Bejn it-Tliet u l-Erbgħa mijiet ta’ Maltin se jerħulha lejn il-kapitali tal-Italja Ruma sabiex isegwu s-Semi Finali tal-UEFA Champions League bejn Roma u Liverpool fi Stadio Olympico.
One News jinsab informat li l-biljetti tal-ajru tat-tliet linji tal-ajru li se jtiru lejn Ruma nħatfu f’kemm trodd salib.
Iżda wara l-aggressjoni li seħħet it-Tlieta li għadda fl-ewwel leg ta’ din is-Semi Finali meta partitarju tal-Liverpool spiċċa f’qagħda kritika wara li ndarab minn partitarji tar-Roma, il-klabb internazzjonali tal-Liverpool ħaseb għal bosta prekawzjonijiet.
Wara laqgħa li saret f’Ruma dwar is-sigurtà bejn iż-żewġ klabbs, Liverpool ħarġu għadd ta’ regolamenti għall-partitarji kollha li ser jattendu għal-logħba.
Steve Sciberras uffiċjal fil-kumitat ta’ Liverpool Supportes Club wissa lill-partitarji Maltin biex joqogħdu attenti.
L-appell tagħna lil minn sejjer hu biex ma jmurx bil club colours iżda jmur pajżan aħna l-Maltin għandna vantaġġ li ħafna minnha nitkellmu bit-Taljan u ma nidrux Ingliżi. Jien fit-2001 kont hemm: sfrakkass, weġġgħu 14-il supporter b’ daqqiet ta’ sikkina. L-atmosfera se tkun l-istess oqogħdu attenti.
Qal li qabel il-logħba se jsiru għadd ta’ tfittxijiet u għalhekk ħeġġeġ lill-partitarji biex jaħsbulu kmieni.
Is-Sur Ivan Vella uffiċjal fil-Klabb ta’ Roma f’Malta qal li l-akbar attenzjoni trid tingħata ħdejn il-grawnd u fil-pjazez.
https://www.youtube.com/watch?v=q8l_HNCN4Ew
F’din is-Semi Finali Liverpool jinsabu diġà f’vantaġġ ta’ ħamsa bi tnejn, madankollu fil-logħba tal-ballun kollox possibbli, biż-żewġ rappreżentanti tal-klabbs f’Malta jgħidu li tliet gowls fil-futbol ma saru jiswew kważi xejn.