Għal Adrian Delia mhux aċċettabbli li kien hemm Deputati Nazzjonalisti li waqt protesti ċapċpu waqt diskorsi kontrih u li talbu għar-riżenja tiegħu.
Dan b’referenza ċara għad-deputati l-aktar qrib Simon Busuttil fosthom Busuttil innifsu, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, David Casa u Mario De Marco.
“Jiena ma jidhirlix li kien hemm Deputati tiegħi li qegħdin iċapċpu meta xi ħadd qed jgħid kontra tiegħi. Jekk għamlu hekk, għamlu ħażin u mhux aċċettabbli. Aktar ċar minn hekk ma nistax inkun”.
Waqt il-programm Xarabank, meta kien mistoqsi dwar għalfejn ma jixtieqx jiddikjara vot ta’ fiduċja waqt il-Kunsill Ġenerali, Delia qal li mhux id-Deputati u l-ġurnalisti jagħmlu l-aġenda tal-partit:
“L-ewwel nies ma naħsibx li l-aġenda tal-pn ma naħsibx li għandhom jagħmluha l-ġurnali jew il-ftit li jiddeċiedu li l-pn jagħmel dak li huwa x-xogħol tiegħu”.
Lil dawn id-Deputati, Delia wissihom li qed jitfgħu l-ġebla u jaħbu idhom. Il-Kap Nazzjonalista qabbel ukoll is-sitwazzjoni tal-Partit tiegħu ma’ taqbida.
Meta mistoqsi jekk jinkwetawhx il-leaks mill-aktar strutturi delikati u nies qrib tiegħu Delia qal li huwa jippretendi l-lealtà:
“Jiena nippretendi l-lealtà, l-lealtà ma titlobx li jkun hemm il-leaks speċjalment meta jkun hemm laqgħat li jkunu intimi”
Delia kellu kliem ukoll ta’ twissija għad-Deputati li qed jirribellaw lill-kap tagħhom.
“Il-Membri Parlamentari jistgħu jagħmlu dik it-tip ta’ dikjarazzjoni jekk iridu, però l-Kap ta’ Partit ma jiddeċidux il-membri parlamentari imma jiddeċideu t-tesserati”
Bl-aktar mod surreali, wara l-intervista tal-Kap, id-deputat Edwin Vassallo esprima tħassib dwar dawk li qalgħu l-ħmieġ fil-konfront tal-Kap.
Intant, id-dibattitu kellu jiġi sospiż wara li l-udjenza ta’ Delia infexxew joffendu lil kull min beda jikkritika lil Kap tagħhom. F’ħinijiet minnhom saħansitra spiċċaw joffendu l-qraba tas-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.
L-argument tant eskala li kien hemm bżonn l-intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-PN li daħal iferraq lin-nies.
Fost dawk involuti kien hemm ukoll uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista li ftit tal-jiem ilu kien qed jgħasses id-Dar Ċentrali waqt il-laqgħa tal-amministrattiv.