Kull min irid jiġbor il-kopja tiegħu tal-ktieb Joseph: 10 Snin Mexxej, jista’ billi jsegwi d-dati u l-ħinijiet indikati skont l-ewwel ittra tal-kunjom skont l-istampa t’hawn isfel.
Il-ktieb, li se joħroġ għall-pubbliku fit-28 ta’ Mejju li ġej, jista’ jinġabar miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bejn id-9:00 ta’ filgħodu u t-20:00 ta’ filgħaxija bil-jum indikat skont l-ewwel ittra tal-kunjom.
Hu importanti li wieħed iġib miegħu l-irċevuta u jekk hemm min m’ordnax kopja personalizzata iżda xorta jixtieq kopja, jista’ jixtri l-ktieb miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kuljum bejn id-9:00 ta’ filgħodu u t-20:00 ta’ filgħaxija.
Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb ser tkun qed tfakkar l-10 anniversarju mindu Joseph Muscat inħatar bħala l-mexxej tal-Partit Laburista nhar is-6 ta’ Ġunju tas-sena 2008 fejn f’temp ta’ ħames snin irnexxielu jġib l-għaqda kif ukoll wettaq bidliet revoluzzjonarji fl-istruttura tal-partit li waslu għal rebħa storika li ssiġillat l-għażla tal-elettorat u li waslet sabiex Joseph Muscat ikun elett Prim Ministru.
Kull min ser jakkwista din il-pubblikazzjoni ser ikollu l-opportunità li jara ritratti esklussivi li qatt ma ġew ippubblikati qabel kif ukoll jaqra analiżi politika li titratta numru ta’ suġġetti varji fosthom il-firxiet kumplessi tar-realtà kif ukoll wikileaks fost l-oħrajn.
Apparti minn hekk il-qarrejja ser ikollhom l-opportunità li jsiru jafu mill-qrib Dr Muscat kif ukoll is-Sinjura Michelle Muscat permezz ta’ intervista esklussiva li saret mill-Professur Andrew Azzopardi kif ukoll minn Claire Xuereb Grech. Is-suġġetti ttrattati jinkludu l-għażla tal-President tar-Repubblika, il-każ Egrant u d-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.