Tmintax-il sena ilu, fil-lejl tat-18 ta’ Ġunju tal-2001, maġġur tal-Armata salva mill-għarqa 40 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Taljana wara li ġġarraf ħelikopter fl-ibħra territorjali Taljani. Malli salva reġa’ nieżel jogħdos biex ittella’ lill-kollegi tiegħu minn fond ta’ kważi għaxart elef pied.
Dakinhar tal-inċident żewġ suldati Maltin, il-Maġġur Anthony Zammit u Gunner Brian Xuereb marru lejn l-Italja fuq missjoni ta’ taħriġ.
Il-Maġġur Zammit kien ko-pilota fuq ħelikopter Taljan, meta f’leħħa ta’ berqa ġġarraf u nqaleb fl-ibħra mudlama.
Dak il-ħin kienu qed jagħmlu taħriġ ta’ salvataġġ meta Gunner Xuereb nieżel mill-ħelikopter biex isalva bniedem minn fuq bastiment. Tmintax-il sena wara Zammit jgħid li filli beda jara l-kabina kollha tixgħel u f’tebqa t’għajn daħal qisu fl-abbis.
Jirrakonta kif “imbagħad wara li pruvajt ineħħi l-‘helmet’ u ma rnexxilgiex, qed ħa nsib il-manku tal-bieba minn naħa ta’ ġewwa. Kont naf li mhux faċli pero’ nerġa ngħid għal grazzja ta’ Alla l-bieba ma kienetx hemm. Din x’aktarx mad-daqqa tarret u ma baqgħetx hemmhekk. Sibt ruħi fl-ilma u għommejt għal wiċċ u nara s-sema’.”
Malli Zammit feġġ f’wiċċ l-ilma intebaħ li taħt wiċċ l-ilma kien hemm il-bdot u t-tekniku, it-tnejn taljani. Huwa niżel jogħdos għalihom minkejja l-biża li jtemm ħajtu ħesrem.
“Il-bambin ħabbarni, qalli dan bniedem kien morbidu mhux xi ħaġa iebsa, għalhekk għoddost u rnexxieli għax kont għadni ma nfaħtx il-‘life vest’. Għoddost u ntellgħa t-tekniku li kien ‘Warrant Officer’ Maurizio Raimondi. Issa dan qed niskanta kif ħareġ min-naħa tiegħi għax dan normalment ikun fuq in-naħa ta’ wara tal-ħelikopter.”
Zammit żied jgħid li Raimondi ħareġ mill-ħelikopter b’miraklu.
“X’ħin tellajtu kellhu rasu ‘l quddiem u ħsibtu mejjet. Issa biex nsib l-affarijiet tlaqtu ftit minn idi biex nonfoħ il-‘life vest’. Kif tlaqtu kien se josfor lejn il-qiegħ. Qed dan mhux se nħallih għax naf li għalkemm allaħares qatt kien mejjet, il-familja huwa diġa dulur li xi ħadd imut, aħseb u ara jekk ma jsibux ġismu.”
Malli tela f’wiċċ l-ilma b’Raimondi f’idu, feġġ ukoll il-pilota.
“Ġie beda jtih ic-CPR u jien intih fuq sidru, u beda joħroġ ir-ragħwa u jieħu n-nifs. Qed dan miraklu! Tlieta salvi la qegħdin fil-wiċċ!”
Mingħajr ma ħasibha darbtejn beda jgħum lejn il-bastiment isejjaħ għall-għajnuna.
“Dak il-ħin ġie kurraġġ ta’ ljun biex bdejt ngħum 40 mil il-barra, imma dak il-ħin ma taħseb f’xejn.”
Iżda malajr intebaħ li dawk fuq il-vapur kienu qed jippjanaw operazzjoni ta’ salvataġġ. Jgħid li din ġiet ikkordinata bla ħsieb mill-Kaptan Alexander Dalli, illum Kurunell, li wkoll kien qed jattendi għal dan it-taħriġ.