Għall-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa, Adrian Delia reġa’ ħa miegħu grupp ta’ nies li x-xogħol tagħhom kien jintimidaw u jfixklu lil min ma jaqbilx mal-Kap. Tant li kien hemm ħinijiet minnhom fejn l-atmosfera fl-udjenza kienet tixbah lil dik fil-foyer tad-Dar Ċentrali fi ġranet meta Adrian Delia tkellem biex jisfida lil dawk li mhumiex ġejjin mill-fazzjoni tiegħu.
Din id-darba dawn in-nies bdew joffendu lis-Segretarju Parlamentari, Silvio Schembri, mal-mument li beda jitkellem u minn hemm ‘il quddiem in-nies li ħa Delia nfexxew f’tgħajjir. Dan mhux biss lejn Schembri iżda wkoll lejn qraba tiegħu li kienu mal-pubbliku tiegħu fl-udjenza. Għal min qam biex jiġbdilhom l-attenzjoni li dan ma kienx il-mod kif iġibu ruħhom dawn in-nies kellhom biss messaġġi ta’ sfida. Fosthom irġiel ta’ statura li saru sinonomi ma’ fejn ikun hemm Delia.
Il-filmati li għandna f’idejna juru lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli jipprova jwaqqaf u jikkalma lin-nies. L-istess nies li fl-aħħar mill-aħħar qed iġorrhom miegħu hu u l-kap tiegħu.
Din mhix l-ewwel darba li nġibdet l-attenzjoni għan-nies li qed ikun imdawwar bihom Adrian Delia. Dwarhom kienet tikteb il-blogger Daphne Caruana Galizia li kienet kitbet ukoll kif kienet spiċċat mhedda minn nies li jappoġġjaw lill-Kap.