Sa mill-1910 dawn iż-żewġ strutturi kienu strumentali sabiex il-Port il-Kbir ikun wieħed kenni madankollu tul iż-żmien u kawża tal-maltempati li għaddew minn fuq pajjiżna tul dan l-aħħar seklu, instab li l-istrutturi ġarrbu ħsarat kbar.
Kien għalhekk li Infrastruttura Malta bħalissa tinsab impenjata bi proġett ta’ restawr, qabel il-ħsara li ssir tkun waħda irreparabbli.
Ix-xogħol ta’ manutenzjoni jinkludi l-pont li jgħaqqad in-naħa tal-breakwater ta’ Sant’Iermu mal-Belt. Dan il-pont tkisser mill-qawwiet Taljani waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tiswija li qed tagħmel Infrastruttura Malta, tim ta’ għaddasa u ħaddiema oħrajn tellgħu minn qiegħ il-baħar partijiet mill-bordura oriġinali li waqgħu mad-dawra tal-breakwater matul is-snin.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Perit Janice Borg. Hija spjegat: “Il-kuntrattur tella’ dan il-ġebel l-art u minn hemm rajna kemm minnu kien tajjeb li seta’ jerġa’ jitpoġġa f’postu. Dak imbgħad stajna naraw kemm kellna naħsbu għal ġebel ġdid.”
Il-ġebel il-ġdid nqata’ minn ġo barriera fi Trani, mir-reġjun ta’ Puglia fl-Italja, biex jibdlu dawk li nstabu mkissrin bil-qawwa tal-mewġ.
Infrastruttura Malta qed tagħmel ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-pont tal-azzar li nbena fl-2012.
Il-ħaddiema qegħdin jirranġaw u jiżbgħu l-istruttura tal-azzar waqt li qed jibdlu partijiet mill-gverta tal-injam li tkissret.
Ladarba li t-temp jibqa’ jippermetti, Infrastruttura Malta qed timmira li x-xogħlijiet kemm fuq il-pont u anke fuq il-breakwater, jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena.
ONE News tkellem ukoll mal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg li sostna l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ proġetti. Fakkar ukoll fi proġett ambjentali maġġuri li bħalissa qed isir ix-xogħol fuqu.
Il-Ministru Borg stqarr: “Spjegajt ukoll xogħlijiet oħrajn li huma maħsuba fil-Port il-Kbir, xejn inqas minn dak ambjentali u allura dak l-emmissjonijiet li jaffettwaw lill-familji ta’ madwar il-port u xogħlijiet oħrajn li għandhom iżidu l-kapaċità li l-port tagħna jżid fl-attività ekonomika tiegħu.”




















