Fl-ewwel konferenza stampa li indirizza f’isem il-Partit Nazzjonalista wara li tneħħa minn Kap tal-Partit, Adrian Delia qal li kieku jingħata ċ-ċans jagħmel sagħtejn jitkellem fuq l-‘issues’ interni tal-Partit Nazzjonalista.
B’żewġ deputati li sfiduċjawh, Karol Aquilina u Mario Demarco maġenbu, Adrian Delia żamm lura milli jitkellem dwar il-fatt li Jason Azzopardi ddaħħal baxx baxx lura fil-grupp parlamentari Nazzjonalista wara li sar magħruf li huwa kellu kamra f’lukanda lussuża fl-Iżrael imħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech. Dan għalkemm Adrian Delia stess kien sfiduċjat minn Kap wara li ħarġu messaġġi li huwa kellu mal-istess Yorgen Fenech. Madankollu, dwar dan huwa qal biss illi kieku jitkellem fuq il-problemi li hemm fil-Partit Nazzjonalista, kieku jimla programm sħiħ.