Għal darba oħra, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech inqabad bla costings, din id-darba fuq punti li semma dwar l-enerġija.
Il-Ġimgħa filgħodu għamel konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, iżda bħall-kampanja elettorali tas-sena l-oħra, Bernard Grech inqabad bla costings meta qal x’irid jagħmel fuq l-enerġija.
Grech iddeċieda minflok iwieġeb id-domanda li saritlu mill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon, infexx f’attakk biex jipprova jbenġilha wara li nqabad fuq sieq waħda.
ĠURNALIST: “Dr Grech, semmejtu dawn il-punti, fejn huma l-costings? Kemm se jiswew lill-pajjiż?”
BERNARD GRECH: “Grazzi ħafna. Propju din id-domanda, kont qed nistenniha għax issoltu l-ONE m’għandhomx aktar domandi xi jsaqsu. Ħa nispjegalkom jien xi tfisser li jkollok pjan serju bħalma aħna għandna hawnhekk.”
Wara li evidentament ma kellux ċifri x’jagħti Grech stqarr li l-pjan se jispjegah meta jkun fil-Gvern.
Qal, “Bla dubju meta l-elezzjoni, erba’ snin oħra jew ftit inqas, se nkunu qegħdin nieħdu stocktake ta’ x’għamel, jekk għamel u ta’ dak li m’għamilx, jekk m’għamilx. Dakinhar, iva, se nkunu qegħdin invaraw pjan li aħna nemmnu fih.”
Hekk kif dan l-istazzjon baqa’ mingħajr risposta għad-domanda li għamel, meta ntemmet il-konferenza tal-aħbarijiet, il-ġurnalist reġa’ għamel id-domanda tiegħu.
Din id-darba, anki il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-enerġija, Mark Anthony Sammut, li għamel ’l fuq minn kwarta jippreżenta punti riċiklati sa minn żmien GonziPN, inqabad ma jafx x’se jgħid dwar il-costings, bil-Kap Nazzjonalista kien diġà lebbet ’il barra.
ĠURNALIST: “Dr Grech, għadek ma weġibtniex. Bqajt taħrab mid-domanda.”
BERNARD GRECH: “Grazzi ħafna.”
ĠURNALIST: “Ċifra ma tajtniex. Forsi taf inti, Onorevoli Sammut, kelliem għall-enerġija.”
MARK ANTHONY SAMMUT: “Kemm hemm bżonn.”
ĠURNALIST: “Imma ma tafx kemm s’issa?”