Il-Viċi Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo kien skomdu ħafna meta mistoqsi dwar il-fatt li Jason Azzopardi diġà beda jaħdem fuq il-kostitwenza tad-disa’ distrett elettorali.
Liema distrett jikkontesta u normalment ikun elett fuqu Arrigo nnifsu.
B’Robert Arrigo jħuf warajh, lil Kap Nazzjonalista Bernard Grech staqsejnieh jikkonferma l-approvazzjoni ta’ Jason Azzopardi bħala kandidat fuq id-disa’ distrett elettorali.
Iżda b’għajnejn Robert Arrigo mwaħħlin fuqu, daqs tajra tal-priża, Grech ma kienx komdu jgħid li lil Jason Azzopardi tawh il-konferma li ismu ser ikun imniżżel mal-lista ta’ kandidati fuq id-disa’ distrett.
Il-kontestazzjoni ta’ Jason Azzopardi fuq id-disa’ distrett, meqjus bħala l-old guard Nazzjonalista, u bl-Avukat Joe Giglio wkoll ikun imbuttat mill-Partit fuq dan id-distrett, id-destin ta’ Robert Arrigo bħala membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qabad jitriegħed sew. Dan hekk kif hu bħala alleat ta’ Adrian Delia, jew id-deputat Kristy Debono jinsabu fil-periklu li ma jkunux eletti.
Hekk kif dorna biex nieħdu r-reazzjoni ta’ Robert Arrigo, Bernard Grech libes il-maskla u lebbet ’l hemm, b’Arrigo jispiċċa waħdu mal-midja evidentament mifxul. Filwaqt li għal bidu pprova ma jweġibx, meta magħfus spiċċa stqarr li għadu mhux evidenti li Jason Azzopardi qed jaħdem fuq id-distrett tiegħu.
Dan għalkemm kien Jason Azzopardi stess li kkonfema b’kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li diġà beda bil-ħidma tiegħu fid-disa’ distrett.
Bl-iskumdità evidenti ma’ kull kelma li jlissen, bħal donnu qed jipprova jikkonvinċi lilu nnifsu, Arrigo qalilna li mal-ġurnalist ta’ ONE News qatt ma jkun skomdu.