Trapjant ta’ organu għandu potenzjal isalva u saħansitra jtejjeb il-ħajja ta’ persuna. Meta wieħed ikun donatur tal-organi, ikun jista’ jsalva sa tmien ħajjiet. L-istess donatur jista’ wkoll isalva jew itejjeb il-ħajja ta’ mill-inqas 50 ruħ bid-donazzjoni ta’ tessuti jew organi oħra.
Qabel daħlet is-sistema ta’ reġistrazzjoni Nazzjonali, numru ta’ Voluntiera kienu ddeċidew li jkunu huma li jibdew reġistru għal dan il-għan. Wara aktar minn 30 sena, irreġistraw irwieħhom bejn 25,000 u 30,000 persuna.
Id-Direttur għall-Istandards tas-Saħħa Patricia Galea spjegat li r-reġistrazzjoni għad-donazzjonijiet tal-organi daħlet fis-seħħ uffiċjalment f’Diċembru tal-2016.
Qalet li kull minn għandu d-donor card xorta waħda jrid jerġa jagħmel ir-reġistrazzjoni tiegħu. Galea fissret: “Importanti kull min għandu l-organ donor card jiġifieri dik il-card iż-żgħira li konna nżommu ġol-wallet importanti li jerġa jirreġistra għax ħafna nies assumew li dik l-informazzjoni ġiet awtomatikament trasferita għal reġistru nazzjonali tad-donazzjoni tal-organi u fil-verità d-data ma stajniex nżommuha minħabba d-data protection act.”
Tliet donaturi fil-fatt huma sammaritan organ donors, jiġifieri għażlu li jagħtu kilwa lil persuna li ma jafux f’każ ta’ bżonn. Galea sostniet: “Malta kif għedna nistgħu nagħmlu qlub, korneas u kliewi però allavolja hawn Malta ma jsirux barra minn Malta jsiru trapjanti u għalhekk inkludejna l-lista kollha li jinkludu f’reġistri oħra ġewwa l-Unjoni Ewropeja.”
Ir-reġistru jipprovdi kemm għal dawk li jixtiequ jkunu donaturi tal-organi kif ukoll għal dawk li ma jixtiequx.
“Dana s-sistema li taħdem hija bħal meta għandek testment one superses the other jiġifieri jekk jiena llum ddeċidejt li nkun donatur tal-organi ġara xi ħaġa forsi nixtieq inbiddel fehmti dik ir-reġistrazzjoni terġa’ tirreġistra l-aħħar deċiżjoni tiegħek tiġi rispettata wara mewtek”, temmet tgħid Galea.
Biex tirreġistra u tkun donatur tal-organi, persuna jrid ikollha 16-il sena jew iżjed. L-applikazzjoni tista’ titniżżel mis-sit organdonation.gov.mt jew inkella tinġabar minn kwalunkwe ċentru tas-saħħa jew mill-kunsill lokali.
SABIEX TIRREĠISTRA TISTA TNIŻŻEL L-APPLIKAZZJONI:
MIS-SIT WWW.ORGANDONATION.GOV.MT JEW ĊĊEMPEL FUQ 25953324