Minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Lulju ONE ser ixandar tliet programmi mużikali ta’ nofs siegħa il-wieħed.
Il-programm ‘Dak Kien Żmien!’ ser jibda jixxandar kull nhar ta’ Tnejn fit- 20:30. Dan il-programm ser ilaqqana ma’ kantanti Maltin fejn ser jirrakkuntaw episodji mil-karriera tagħhom, filwaqt li ser ifakkarna f’uħud mill-kanzunetti tagħhom, u jaqsmu mat-telespettaturi xi ritratti tal-imgħoddi.
Renato, Mary Spiteri, Tony Camilleri, Joe George Micallef, Freddie Portelli, Joe Cutajar u Maryrose Mallia huma wħud mill-mistednin li se naraw f’dan il-programm. Dan il-programm għandu produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Marisa D’Amato u Renato Vella.
Kull nhar ta’ Erbgħa fit-20:30, se jibda jixxandar il-programm ‘Melodija Taljana’ li fih se jintwerew l-aqwa suċċessi mil-klassifiċi tas-snin sittin u sebgħin. It-telespettaturi jistgħu jipparteċipaw billi jagħżlu l-aktar kanzunetta favorita tagħhom kull programm fejn fl-aħħar tal-iskeda issir klassifika finali magħmula minn 12-il kanzunetta u tintagħżel il-kanzunetta rebbieħa. Dan il-programm se jkun ippreżentat minn Emanuel Cuschieri.
Matul din l-iskeda se tittella’ s-sittax-il edizzjoni tal-programm ‘Country Jamboree’ fejn fih se jintwerew siltiet ta’ kanzunetti li kienu ta’ suċċess fuq stil Country ta’ kull żmien. Dan il-programm għandu produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Marisa D’Amato.