Matul is-sajf li ġej, iż-żona madwar il-kosta meqjusa bħala dog-friendly se jiżdiedu għal 16.
B’hekk, 12-il bajja f’Malta kif ukoll erbgħa fil-gżira Għawdxija se jkunu qed jaraw klieb flimkien mas-sidien tagħhom igawdu s-sajf flimkien ħdejn il-baħar.
Il-lista ta’ dog-friendly beaches li se jkunu aċċessibbli huma dawn:
Daħlet ix-Xmajjar, il-Mellieħa
Ramlet it-Torri, il-Mellieħa
Il-Bajja tal-Imġiebaħ, f’Selmun, il-Mellieħa
Ramlet il-Qortin, il-Mellieħa
Ir-Ramla ta’ Wied Musa, iċ-Ċirkewwa
Baħar iċ-Cagħaq, wara l-Isplash and Fun, in-Naxxar
Tigné Point, Tas-Sliema
Il-Bajja tar-Rinella, il-Kalkara
L-Ilsien, Żonqor Point, Wied il-Għajn
Il-Bajja ta’ San Tumas, Wied il-Għajn
Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk
Il-Bajja viċin is-Sailing Club, Birżebbuġa
Il-Bajja tal-Qbajjar, iż-Żebbuġ
Ras il-Ħobż, Għajnsielem
Il-Bajja ta’ Gorgun, l-Imġarr t’Għawdex
Il-Bajja tad-Dwejra, San Lawrenz
Dawn il-bajjiet intgħażlu wara rapport intensiv fuq il-kwalità tal-ilma li jinsab f’dawn iż-żoni, il-bżonn ta’ distanza raġjonevoli minn żoni ta’ għawm preżenti, u l-aċċessibilità ta’ dawn iż-żoni għall-annimali u s-sidien tagħhom.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, elenka numru ta’ miżuri li seħħew fl-aħħar snin minn gvern Laburista favur il-ħarsien tal-annimali. Qal li, b’dak imħabbar illum, il-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali oħra mill-manifest ‘Malta Flimkien’. Qal li kull waħda minn dawn dejjem saret jew ġiet implimentata wara konsultazzjoni u diskussjonijiet mal-partijiet involuti.
“Dawn il-pet-friendly beaches huma importanti għax, apparti l-fatt illi l-klieb tagħna għandhom l-ispazju fejn jilagħbu, min-naħa l-oħra wkoll inżidu iktar interazzjoni bejn, fuq naħa waħda l-kelb u, min-naħa l-oħra, il-bniedem.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat li dan il-Gvern jirrikonoxxi wkoll il-bżonn ta’ iktar spazji miftuħa biex id-diversi sidien ikunu jistgħu jieħdu lill-klieb tagħhom u jgawdu l-baħar u l-bajjiet pittoreski tagħha.
“16-il żona li huma mqassmin madwar il-gżejjer Maltin sabiex dak li jkun ikun jista’ jaċċessa żoni ħdejn il-baħar. Minn hawnhekk nixtieq nagwura sajf mill-isbaħ.”