Jinsabu għall-konsultazzjoni pubblika, tliet standards soċjali regolatorji li għandhom l-għan li jtejbu s-servizzi fil-komunità relatati ma’ vizzji.
Dawn l-istandards huma msejsa fuq il-prinċipji bażiċi tat-dinjità, privatezza, dritt għall-għażla, sigurtà, twettiq tal-potenzjal, ugwaljanza, individwalità u diversità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá tal-istandards u Ħarsien Soċjali Matthew Vella, spjega li dawn l-istandards jinkludu interventi ta’ Sapport Personalizzati, Drittijiet u tisħiħ tal-Membri fil-Komunità, Saħħa u Sigurtà, u Immaniġjar tad-Data u t-tqassim tal-Informazzjoni.
Vella sostna: “Illum għall-ewwel darba lill-professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-alcoħol, droga u addictions oħra qed intuhom linja gwida ċara ta’ kif qed joperaw. Barra minn hekk lil min qed jirċivievi s-servizzi qed intuh dokument ta’ x’għandu jistenna.”
B’dawn l-istandards qed tikber il-kollaborazzjoni ma’ entitajiet varji, u anki d-djalogu ma’ dawk kollha konċernati biex jitjiebu s-servizzi għan-nies.
Vella kompla jispjega li “Qegħdin nużaw din l-okkażjoni sabiex inkabbru d-djalogu, inkabbru l-kollaborazzjoni sabiex verament ikollna servizz tal-ħarsien soċjali li qed iħallu impatt pożittiv fil-ħajja tan-nies hemm barra.”
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetá Soċjali Michael Falzon appella biex min verament għandu bżonn dawn is-servizzi, ma jiddejjaqx jużahom.
“L-appell tiegħi lil dawk hemm barra huwa li jersqu biex jingħataw l-għajnuna li joffri dan il-pajjiż. Il-kumplament għandna wkoll nżidu ħafna l-awareness u ħafna reaching out fis-soċjetá tagħna”, temm jgħid il-Ministru Falzon.
Tnedew Standards Soċjali Regolatorji għall-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fis-17 ta’ Jannar 2019, li huma; Standards Soċjali Regolatorji għall-Konsultazzjoni Pubblika: Servizzi ta’ Outreach u Servizzi oħra bbażati fil-Kommunità.
Ġew imnedija wkoll żewġ settijiet oħra ta’ Standards Soċjali Regolatorji dwar il-vizji li ġew imwaqqfa b’avviż legali, li huma: Servizzi Residenzjali offruti lil Individwi bi Problemi Relatati mal-Abbuz ta’ Sustanzi u Dipendenzi Oħra u Servizzi ta’ ‘Outreach’ u servizzi oħra bbażati fil-Kommunità offruti lil Individwi bi Problemi Relatati mal-Abbuz ta’ Sustanzi u Dipendenzi Oħra.