Ġenituri ta’ tfal b’mard serju u qraba ta’ persuni li tkun qed issirlhom il-griżma tal-morda se jitħallew jidħlu fl-Isptar Mater Dei.
Dan qalitu l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Celia Falzon b’reazzjoni għall-miżura li mhux se jitħallew isiru iktar viżti fl-istess sptar biex jonqos it-tixrid tal-virus Coronavirus.
Mistoqsija dwar dawn il-miżuri is-Sinjura Falzon spjegat li f’ċerti sitwazzjonijiet, xi persuni se jitħallew jidħlu.
Hija spjegat: “Naturalment it-tfal ma tistax tħallihom mingħajr il-ġenituri tagħhom. Jiġifieri it-tfal ħa jkollhom lill-ġenituri tagħhom fl-isptar. Dawk it-tfal li jkollhom li forsi jkollhom problemi aktar minn oħrajn jista’ jkun li anke nħallu liż-żewġ ġenituri flimkien mat-tfal. Hemm istanzi wkoll bħall-Griżma tal-Morda fejn naturalment ukoll qed nagħmlu eċċezzjoni u nħallu lill-viżitaturi jidħlu għall-ħinijiet iqsar.”
Spjegat li qed isir xogħol biex jitħallew jidħlu wkoll missirijiet waqt it-twelid, biex huma wkoll ikollhom dak l-ewwel mument tant importanti mat-tarbija.
Is-Sinjura Falzon sostniet: “Qed nagħmlu l-għalmu tagħna biex il-missirijiet ikollhom l-opportunitajiet speċjalment mal-mara fl-aħħar stadji meta tkun qed twelled u anke naturalment ikollhom dawk il-mumenti importanti mat-tarbija tagħhom però kulħadd irid jifhem irridu nagħmlu sforzi kollha kemm aħna u nagħmlu miżuri li huma diffiċli dejjem biex nipproteġu lill-omm li f’dak il-mument tkun vulnerabbli u lit-tarbija tat-twelid.”
Spjegat ukoll eċċezzjonijiet oħra li jistgħu jiġu diskussa.
Hija kompliet tispjega: “Jekk huma jħossu li għandhom każ partikolari ferm irid każ eċċezzjonali ferm jitkellmu mal-istaff tal-ward. L-istaff tal-ward imbagħad jikkonsultaw magħna jiġifieri d-deċiżjoni lanqas tkun tagħhom, jikkonsultaw jekk hemm bżonn anke mal-infection control tagħna biex naraw li jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn u jingħataw deċiżjoni.”