F’Jum l-Indipendenza, fil-21 ta’ Settembru, il-pubbliku huwa mistieden li jagħti ħarsa lura lejn l-istorja mżewqa tal-gżejjer Maltin billi jżur erba’ siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta li normalment ikunu magħluqin matul il-jum tat-Tlieta.
Dawn is-siti huma Forti Sant’ Anġlu, il-Mużew Nazzjonali talArkeoloġija, il-Katakombi ta’ San Pawl u l-Armerija tal-Palazz u se jkunu miftuħin mill-10:00 sal-16:30.
Wieħed jista’ jibda l-mawra tiegħu madwar Malta mill-Katakombi ta’ San Pawl fil-qalba tar-Rabat li hija żjara li ser tittrasporta lil dak li jkun lejn il-perjodi bikrin tal-istorja ta’ pajjiżna.
Il-katakombi bdew jintużaw għad-dfin fil-perjodu Puniku u Ruman u jirrappreżentaw l-ewwel u l-akbar evidenza arkeoloġika tal-Kristjaneżmu f’pajjiżna.
Minn hemm wieħed jista’ jkompli bil-vjaġġ kulturali tiegħu fil-Belt Valletta propju fil-Mużew tal-Arkeoloġija li huwa wieħed mill-aktar binjiet b’tiżjin Barokk elaborat fil-belt kapitali.
Il-kollezzjoni fi ħdan il-Mużew tmur lura sa 5000 sena qabel Kristu u saħansitra tinkludi għodod preistoriċi.
Ftit passi ‘l bogħod mill-mużew wieħed jista’ jsib l-Armerija tal-Palazz fejn fost l-aktar artefatti notevoli hemm korazzi u armi li ntużaw mill-qawwiet tal-Imperu Ottoman matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, kif ukoll għażla ta’ artillerija.
Dan filwaqt li fuq in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, il-Forti Sant’Anġlu wkoll se jkun qed jilqa’ l-viżitaturi nhar l-Indipendenza. Illum dan il-forti hu meqjus bħala l-aqwa tifkira tal-importanza strateġika ta’ dawn il-gżejjer u l-ħajjiet kollha li ġew sagrifikati għall-ħakma tagħhom.
Aktar tagħrif jinsab fis-sit elettroniku www.heritagemalta.org