F’Malta hawn tmien bajjiet fejn jistgħu jgħumu l-klieb, flimkien ma’ tnejn oħra f’Għawdex.
Il-bajjiet f’Malta huma tar-Rinella fil-Kalkara, Xatt is-Sajjieda f’Marsaxlokk, il-bajja ta’ taħt Tigne Point f’Tas-Sliema, Baħar iċ-Ċagħaq, l-Imġiebaħ f’Selmun, Daħlet ix-Xmajjar fl-Armier, it-Torri l-Abjad fil-Mellieħa u l-Ponta taż-Żonqor f’Wied il-Għajn.
Iż-żewġ bajjiet f’Għawdex fejn jistgħu jgħumu l-klieb huma dik ta’ Trejqet Mġarr ix-Xini u l-bajja magħrufa bħala Taħt il-Batterija tal-Qbajjar fl-inħawi tax-Xwejni.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, tixtieq li jiżdiedu l-bajjiet li jaċċettaw il-klieb, għaliex minkejja li għaxra jaf jidhru ħafna, uħud minnhom mhumiex aċċesibbli.
Hija spjegat: “Ftit minnhom mhux tajbin għall-klieb żgħar, ftit minnhom mhux tajbin għan-nies, ftit minnhom m’għandekx minn fejn tinżel, jiġifieri l-ammont huwa ħafna iżgħar. Għawdex il-problema hija ikbar minħabba li huwa iżgħar u l-bajjiet huma tnejn biss allura qegħdin nippruvaw, biex nagħmluha iżjed faċli għal min għandu kelb u jixtieq jieħdu jgħum miegħu fis-sajf, inżidu n-numru ta’ bajjiet fejn tkun tista’ tieħu l-klieb miegħek.”
Il-Kummissarju spjegat li flimkien mal-lista uffiċjali ta’ bajjiet li jilqgħu l-klieb, hawn numru ta’ bajjiet oħra, fosthom f’St Peter’s Pool u dik f’Manoel Island, fejn jistgħu jgħumu l-klieb għaliex fihom ma jsirux testijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Hija sostniet: “Hemm bajjiet li mhumiex dog-friendly uffiċjalment però mhumiex lanqas bathing zones. Jekk ma jkunux bathing zones jiġifieri, id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali ma jkunx qed jieħu samples biex jiċċekkja u jittestja l-kwalità tal-ilma. Hemmhekk, jekk il-bajja tkun tal-blat, jista’ jittieħed kelb u jista’ anki jitniżżel fil-baħar.”
Min jinżel bil-klieb f’bajjiet ramlin jew dawk li mhumiex uffiċjali, jista’ jeħel multa li tista’ titla’ għal eluf ta’ ewro.
Id-deċiżjoni biex bajja tinfetaħ għall-għawm tal-klieb tittieħed mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.