Il-bard ta’ Jannar iqaxxar ġild il-ħmar. U bil-kesħa li ħakmet lill-Ewropa fosthom lil pajjiżna bosta qed isalvaw ġildhom b’xi xarba sħuna.
It-tabib tal-familja Dr. Malcolm Galea, saħaq li filwaqt li bosta jirrikorru għal xi ftit whisky sabiex jisħnu, filwaqt li fil-moderazzjoni l-effetti jistgħu ikunu tajbin, meta wieħed jesaġera jkun qed jistieden l-inkwiet.
“Il-whisky f’ammonti moderati għandu wkoll ċertu antioxidant properties, jiġifieri jgħin ukoll kontra l-mard, pero ovjament f’ammonti kbar fejn ġieli jkun hemm min jesaġera m’huwiex tajjeb. Attwalment l-alkoħol fil-fatt il-problema kbira li għandu l-alkoħol hija li jniżżillek attwalment, isaħnek għall-bidu imma l-core temperature tal-ġisem inaqqasha. Fil-fatt ibaxxilek it-temperatura, int iġiegħlek tħossok sħun għax l-arterji li jkollok fit-tarf, fil-periferija jintefħu iktar, allura ovjament ħa tħoss lilek innifsek iktar sħun.”
Huwa saħaq li tul dan iż-żmien kiesaħ huwa importanti li l-anzjani jilbsu sew biex iżommu sħan filwaqt li jaraw li jżommu l-ambjent ta’ madwarhom sħun ukoll.
“Jien dejjem ngħidilhom, isma ilbes sewwa, anke ġod-dar, għandna d-dar speċjalment ta’ ċertu anzjani ikunu umdi ħafna, ikunu kesħin u żomm il-post fejn qiegħed sħun u ixrob xarbiet sħan.”
Fix-xorb Sħun bħal te, kafe u xi ċikkulata sħuna bosta għandhom ħabta li jżidulu ftit ħlewwa b’xi daqxejn zokkor.
Oħrajn għandhom il-perspettiva li l-użu ta’ xi sweetener flok zokkor tnaqqas l-effetti negattivi fuq is-saħħa. Madankollu studju ġdid fl-Università ta’ Freiburg ma sab l-ebda evidenza li s-sweetener huwa aħjar għas-saħħa.
It-tabiba Dr. Josianne Cutajar saħqet li filwaqt li m’hemm l-ebda evidenza li l-isweetener huwa aħjar għas-saħħa, il-moderazzjoni tibqa’ essenzjali.
“Iz-zokkor b’ammont raġjonevoli u fi bniedem, li m’għandux xi kundizzjoni li timpedieħ illi jieħu zokkor m’għandux għaliex ma jieħux ftit ta’ zokkor ma dik ix-xarba li jixtieq jieħu.”
U hekk kif f’Jannar ix-xitwa tagħmel tagħha u allaħares ma jkollokx fejn tilqgħalha, ilqagħha b’mod għaqli. Sabiex meta tgħaddi l-kesħa ma tbatix ir-riperkussjonijiet fuq saħħtek.