Dan huwa l-programm tal-festi li se jkunu ċċelebrati fil-Knisja Parrokkjali San Ġużepp l-Imsida fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mill-miġja tal-istatwa titulari fl-Imsida, nhar it-Tlieta l-1 ta’ Mejju 2018.
Fit-8.00am: Quddiesa kantata ċċelebrata mill-Kappillan il-Kanonku Dun Simon Sciberras bil-parteċipazzjoni tal-kor tal-parroċċa Ite Ad Joseph immexxi mill-Kanonku Dun Alfred Camilleri.
Fid-9.00am: Purċissjoni bl-Istatwa artistika ta’ San Ġużepp madwar it-toroq tal-Parroċċa bis-sehem tal-Għaqda Melita Banda San Ġużepp kif ukoll tal-fratellanzi ta’ San Ġużepp ta’ Malta u Għawdex. Imexxi l-purċissjoni l-ex kappillan tal-Imsida Dun Norman Zammit.
Fis-6.30pm: Quddiesa solenni konċelebrata mill-Arċisqof Emeritus Mons. Pawl Cremona OP, mis-saċerdoti tal-Parroċċa kif ukoll dawk Misidjani. Tieħu sehem l-orkestra mmexxija mis-Surmast James Chappell.
Intant, f’rapport li deher fil-ġurnal The Malta News f’April tal-1886,il-knisja l-ġdida tal-Imsida kellha tkun iddedikata lil San Ġużepp. Fit-tliet iskrizzjonijiet bil-Latin li saru fl-okkażjoni tat-tqegħid tal-ewwel ġebla, jissemma San Ġużepp bħala t-titular tal-knisja l-ġdida. Wara l-mewt tal-Papa Piju IX fis-7 ta’ Frar tal-1878, f’Malta, fosthom fil-parroċċa tal-Imsida saru funerali kbar. Dan il-Papa kien li għolla l-Imsida f’parroċċa. Il-Misidjani talbu wkoll biex tinbena knisja lil San Ġużepp b’tifkira ta’ meta l-istess Papa fit-8 ta’ Diċembru tal-1870 ħatar lil dan il-Qaddis Patrun tal-Knisja Universali. Il-knisja l-ġdida tal-Imsida hija l-ewwel parroċċa f’Malta u f’Għawdex iddedikata lill-Patroċinju ta’ San Ġużepp.