F’konfereza tal-aħbarijiet, il-Gvern ipprovda d-dettalji prinċipali b’rabta mal-inizjattiva importanti li, permezz tagħha, se tkun assigurata stabbiltà fil-prezz ta’ madwar 400 prodott tal-ikel essenzjali.
Dan permezz ta’ preżentazzjoni mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, li f’isem il-Gvern kkordina l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura.
L-iskema, li se tkun qed tibda mill-1 ta’ Frar li ġej u li se tibqa’ fis-seħħ sal-baġit li jmiss, tiġbor ħmistax-il kategorija ta’ ikel, li se jkunu qed jaraw roħs ta’ 15% fil-prezz tal-bejgħ rakkomandat tagħhom, skont il-prezzijiet iffissati f’Ottubru tal-2023.
“Mill-1 ta’ Frar, tal-inqas 15% roħs fir-recommended retail price, prezz stabbli għal disa’ xhur sa dakinhar tal-Baġit, 15-il kategorija ta’ ikel, 400 prodott taħt dan l-agreement, ’il fuq minn 200 ħanut madwar Malta u Għawdex u din mistennija ovvjament tiżdied, kif jidħlu l-ħwienet tal-merċa wkoll.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri
Dan wara qbil li ntlaħaq bejn il-Gvern, flimkien mal-importaturi u bejjiegħa jew sidien ta’ ħwienet tal-merċa kbar, biex favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel essenzjali quddiem l-isfida tal-inflazzjoni.
Dawn il-kategoriji ta’ ikel ġew magħżula fuq bażi ta’ kategoriji ta’ ikel l-aktar ikkonsmati mill-poplu u li kienu l-aktar affettwati mill-inflazzjoni.
Dawn il-kategoriji ta’ ikel jinkludu:
- Kapuljat frisk u ffriżat, kemm taċ-ċanga, tal-majjal jew imħallat;
- Pork chops friski jew iffriżati;
- Saqajn tat-tiġieġ friski kemm f’pakketti u anke bil-qies;
- Tiġieġ iffriżat kemm ippakkeġġjat jew waħdu bil-qies jew ippakkjat frisk;
- Ħalib skimmed, semi-skimmed jew whole fi kraten jew fliexken ta’ kull daqs;
- Spaghetti u penne f’pakketti ta’ kull daqs;
- Tonn taż-żejt tat-tip Skipjack f’vegetable, soya u sunflower oil, f’laned taż-70g sa 200g (esklużi dawk ta’ tonn ta-żejt Skipjack jew Yellowfin fi brine jew żejt taż-żebbuġa);
- Corned beef ta’ kull daqs u li hu full fat, light jew b’inqas mluħa;
- Cornflakes tal-pakketti jew boroż;
- Cream crackers ta’ kull daqs;
- Piżelli, brokkoli u spinaċi ffriżati f’pakketti ta’ kull daqs, esklużi dawk organiċi;
- Tea bags suwed importati ta’ kull daqs;
- Kafè, instant u decaff ta’ kull daqs;
- Vegetable spreads li huma standard, low fat jew b’inqas mluħa kemm f’tubi jew fil-foil; u
- French fries straight cut iffriżati f’pakketti ta’ kull daqs.
B’kollox madwar 400 prodott se jkunu b’hekk affettwati b’mod pożittiv, grazzi għal din il-miżura hekk kif se jkunu qed jintlaqtu d-ditti kollha ta’ dawn il-ħmistax-il kategoriji ta’ prodotti.
Il-prodotti fil-kategoriji kollha, li se jkunu qed jaqgħu f’din l-iskema, se jkunu mmarkati b’label speċifika li tindika t-tnaqqis fil-prezz tagħhom. Dan filwaqt li se jkunu elenkati fis-sit onlajn. Din l-inizjattivi tgħodd ukoll għal xiri ta’ dawn il-prodotti onlajn.
“Biex nagħmilha ċara, il-ħwienet se jkollhom signage li se jkunu qegħdin jipparteċipaw. Int u dieħel ħanut ħa jkun hemm poster li jindika li dak il-ħanut qiegħed parteċipi f’dan l-agreement u kif ukoll sinjal fejn il-prodotti kollha li huma parteċipi f’dan l-agreement, se jkun hemm il-logo ta’ stabbiltà bil-prezzijiet kif varjaw minn qabel għal issa.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri
Sadanittant, il-Gvern qed ikompli jistieden aktar importaturi u ħwienet tal-merċa, fosthom dawk żgħar, biex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva. Fil-jiem li ġejjin aktar ħwienet mistennija jiżdiedu ma’ din il-lista.
Il-pubbliku jista’ jsib il-lista ta’ ħwienet tal-merċa u bejjiegħa kollha li huma parti minn din l-inizjattiva fuq is-sit ekonomija.gov.mt fil-kategorija tal-parteċipanti.
Din il-lista se tkun qed tibqa’ tiġi aġġornata hekk kif aktar stabbilimenti, bejjiegħa u ħwienet jingħaqdu fl-inizjattiva.
Dawk is-sidien jew il-bejjiegħa, fosthom ħwienet tal-merċa meqjusa żgħar, se jkunu qed jingħataw għotja ta’ €125 fix-xahar taħt ċerti termini u kundizzjonijiet, bħala kumpens għall-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva.
Negozji, li ma jaqbżux bejgħ ta’ €800,000 fis-sena u li se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-miżura, ukoll se jkunu qed jingħataw din l-għotja.
Persuni, li huma Celiac, jistgħu japplika għal vawċers ta’ ikel li hu gluten-free. Dawn jinkludu għajnuna ta’ bejn €65 jew €70 fix-xahar għal dawk li għandhom aktar minn 60 sena jew jinsabu fuq il-benefiċċji soċjali.