Mindu feġġ l-ewwel każ ta’ coronavirus f’pajjiżna, saru aktar minn erba’ t’elef test permezz ta’ swab.
Ir-riżultat ta’ kull wieħed minnhom joħroġ wara proċess metikoluż li jinvolvi s-sehem ta’ bosta professjonisti li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Patoloġija tal-Isptar Mater Dei.
Dan l-istazzjon żar dan id-Dipartiment u segwa l-proċess minn meta jasal il-kampjun tat-test, sakemm joħroġ ir-riżultat.
It-test isir billi tittieħed swab min-naħa ta’ wara tal-gerżuma, li mbagħad tittieħed fid-Dipartiment tal-Patoloġija ġo dak imsejjaħ virus transport medium li jżomm il-virus vijabbli fil-kampjun.
Wara li jiġu vverifikati d-dettalji, xjentist jinżel jiġbor il-kampjun u jieħdu fil-laboratorju.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija Dr. Chris Barbara spjega l-proċess ġaladarba l-kampjun jasal fil-laboratorju.
“L-ewwel ħaġa li trid issir hija li noħorġu l-proteina tal-RNA minn ġol-virus dak li ngħidulu RNA Extraction u dak ikun speċifiku għal dan il-virus COVID-19. Jiġifieri ma jkun hemm l-ebda virus ieħor li jagħti reazzjoni minn dan l-RNA. Wara li jiġi estratt imbagħad, inpoġġuh ġo magna oħra ngħidulha thermo cycler fejn aħna se nagħmlu amplifikazzjoni, namplifikawh biex jekk ikun hemm doża żgħira ħafna ta’ virus, aħna nkabbruha, namplifikawha, biex inżidu s-sensittività tat-test.” Qal Dr Barbara.
Wara dan il-proċess, li jagħmluh xjentisti lebsin ilbies protettiv apposta li jassigura protezzjoni minn kull tip ta’ infezzjoni, il-kampjun jidħol f’magna oħra fejn imbagħad joħroġ ir-riżultat permezz ta’ grafika kkalibrata.
Kompla jispjega “Jekk jiġi pożittiv jew negattiv jidħol f’software apposta biex it-tobba tas-saħħa pubblika jistgħu in real-time jaraw ir-riżultat u jagħmlu dak li ngħidulu contact tracing.”
Intant, Dr. Barbara spjega li hekk kif feġġew l-ewwel każijiet ta’ trażmissjoni lokali, pajjiżna daħal f’fażi oħra ta’ ttestjar.
Innota li mill-ewwel każ sal-lum għaddew għoxrin jum allura issa se jibdew isiru testijiet tad-demm fuq dawk infettati biex jaraw il-livell ta’ protezzjoni għall-virus.
“Il-persuni li ġew infettati se jrabbu dik li ngħidulha antibodies jiġifieri dawk li huma suldati fid-demm li jekk inti ’l quddiem terġa’ tiltaqa’ mal-virus, se jagħtuk protezzjoni jew immunità allura f’dak il-każ issa se nibdew nagħmlu testijiet oħra li niddistingwu x’tip ta’ antibodies għandu l-persuna.” Ikkonkluda jgħid.
Dr. Barbara rrefera għal każijiet fiċ-Ċina u fl-Italja fejn kien maħsub li persuni ħadu l-infezzjoni darbtejn. Dan mhux il-każ, hekk kif it-test ma kienx qed joħroġ pożittiv minħabba l-livell baxx tal-virus.
Għaldaqstant, Dr. Barbara qal li t-testijiet tad-demm fuq persuni nfettati f’Malta huma maħsuba mhux biss biex jaraw jekk l-infezzjoni għadhiex hemm, imma biex jaraw jekk l-individwu huwiex protett minn dan il-virus.