Kuljum, aktar minn ħamsin vaċċin għal kontra l-Coronavirus, qed jaslu mgħassa mis-suldati fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Mat-tokki tas-sebgħa ta’ filgħodu, fid-daħla ta’ San Vinċenz, jasal vann li jżomm il-vaċċin f’temperatura ta’ taħt is-sebgħin grad, li jibqa’ sejjer fl-ispiżerija tar-Residenza.
Hemmhekk jinħatt it-tilqim, u l-ispiżjara teħodhom fid-Day Clinic fejn jieħdu ftit aktar minn nofs siegħa biex titla’ t-temperatura.
Kif din tintlaħaq, it-tilqim jittieħed f’kamra oħra, fejn Mark Bonanno, mit-Taqsima tal-Kontroll tal-Infezzjonijiet, spjega l-proċess li jsegwi sakemm il-vaċċin ikun lest biex jiġi injettat fil-ġisem tal-bniedem.
Qal kif, “Hemm proċess daqsxejn rigoruż li per eżempju meta nużaw is-salina, nuru lill-ispiżjar li hemm 1.8ml. Isir ukoll meta jitħallat it-turning tal-fjala, bilmod, għaxar turns kull darba, u nibdew ir-reconstitution. Jimsħu l-fjala bl-akoħol u jinjettaw is-salina minn ġol-fjala.”
Is-Sur Bonanno spjega li minn kull fjala, joħorġu ħames dożi, ġieli sitta.
F’kull siringa, irid ikun hemm doża ta’ punt tlieta, u huwa kruċjali li n-numru jkun preċiż.
Spjega kif, “Trid toqgħod attent ħafna li ma jkollokx air bubbles, dawk trid teliminahom u kultant hija diffiċli wkoll, dawn in-nies li qed jagħmlu dal-proċess ma nistgħux intellfuhom, iridu jikkonċentraw ħafna biex ikollhom id-dożi eżatt.”
Sa issa tlaqqmu aktar minn tliet mija u ħamsin anzjan u anzjana residenti f’San Vinċenz, u l-Kap Eżekuttiv tar-Residenza Dr. Josianne Cutajar spjegat li mill-ġimgħa d-dieħla mistennija jiżdiedu d-dożi biex jitlaqqmu aktar anzjani u ħaddiema.
Qalet kif, “Il-pjan qiegħed sabiex sal-aħħar ta’ Frar, kemm ir-residenti li jgħoddu mal-elf u tliet mija u kemm il-ħaddiema li jgħoddu mal-elfejn u mitejn, ikunu mlaqqma kemm bl-ewwel u anki bit-tieni doża.”
Fost l-aktar sodisfatti b’dan il-proċess huma l-anzjani nfushom, li wara xhur’il bogħod mill-għeżież tagħhom u mir-rutina ta’ kuljum, qed iħarsu ’l quddiem għal żmien aħjar.
Fl-iswali numru tlieta u numru sitta, fil-blokka ta’ San Ġwanni Pawlu II, biż-żamma tad-distanza soċjali, tkellimna ma’ Margaret Lucano u Antonia Marletta, li kienu fost l-ewwel anzjani li tlaqqmu f’San Vinċenz.
L-anzjani tkellmu dwar dak li nikkithom l-aktar fl-aħħar xhur.
Minn fomm dawk li batew l-aktar u li issa tlaqqmu bit-tama għal futur aħjar, ħareġ l-appell għal kull min qed isegwi, biex ġaladarba tasal l-istedina biex jitlaqqam, jieħu l-vaċċin.