Għall-ewwel darba, presepju Malti se jkun dak ewlieni fil-Vatikan.
Kull sena fil-Vatikan ikun hemm presepju magħmul minn xi reġjun Taljan differenti, iżda din is-sena presepju magħmul propju f’pajjiżna se jkun eżebit fi Pjazza San Pietru minn għada sat-8 ta’Jannar.
Kif jgħaddi dan iż-żmien imbgħad se jkun esebit f’pajjiżna f’postijiet pubbliċi fi żmien il-Milied.
Dan il-presepju huwa wieħed partikolari għax fih karatteristiċi tipiċi tal-pajsaġġ Malti, inkluż l-arkitettura, il-flora u l-fauna, kif ukoll figuri tradizzjonali tal-presepju.
Il-presepju ntgħazel wara li d-Direttorat tal-Kultura, f’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, ippubblika sejħa għad-disinn u l-bini ta’ presepju artistiku.
Il-proġett jinkludi wkoll kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fis-17 ta’ Dicembru fil-Bażilika Papali ta’ San Paolo Fuori le Mura f’Ruma. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn.
Għada fl-16:30 se ssir l-inawgurazzjoni tal-presepju, li tista’ tarah fid-dettall hawn.