Nhar it-Tnejn li ġej, se tkun qed tittella’ għal darb’oħra Sigma Europe 2024.
Waħda mill-ikbar konferenzi li jittelgħu f’Malta, bl-akbar ismijiet fl-industrija tal-igaming, mistennija jiġu propju fil-Malta Maritime Hub fil-Marsa, sabiex jattendu għal din il-fiera.
Sabiex ma jinġemax traffiku waqt dan l-avveniment, Transport Malta ħejjiet pjan b’diversi miżuri ġodda. Pjan b’żoni differenti, għall-vetturi differenti, sabiex kemm min se jattendi din l-attivita, kif ukoll min jgħaddi minn dawn l-akwati, kemm jista’ jkun ma jkunx affettwat.
Fil-fatt, fi Triq it-Tromba se jkunu jistgħu jipparkjaw biss vannijiet u mini buses li se jwasslu u jiġbru lil persuni għal din il-konferenza, filwaqt li l-vetturi tal-Y Plates se jkunu jistgħu iwaqqfu u jiġbru lil passiġġieri fil-park and ride tal-Marsa, biswit l-istazzjonijiet ONE. Dan biex imbagħad il-passiġġieri jaqsmu t-triq minn fuq il-pont, u jmorru propju għal din il-konferenza.
Min-naħa tagħhom it-taxis is-suwed se jipparkjaw fil-parking biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata, filwaqt li Limousines se jipparkjaw ħdejn l-Intercomp.
It-taxis il-bojod ukoll se jkollhom żona għalihom, fejn se jkunu qed iwaqqfu lill-passiġġieri u jiġbruhom fil-bitħa ta’ Salv Bezzina & Sons.
Dawk li se jkunu qed jaħdmu waqt din l-attivita, se jħallu l-vettura tagħhom fejn fl-imgħoddi kien hemm il-freedom press.
Ma’ dawn ukoll se jiżdiedu l-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta, li se jkunu b’sebgħa għajnejn, biex jilqgħu għad-domanda kbira li din il-fiera ġġib magħha, sabiex anke tnaqqas it-traffiku.
Propju dwar dawn l-arraġamenti, tkellimna ma’ Senior Enforcement Officer ta’ Transport Malta, David Gauci.
“Transport Malta qed taħdem bis-sħiħ għal dawn it-3 t’ijiem li ġejjin biex it-traffiku kemm jista’ jkun ikun flow, speċjalment Aldo Moro, anke fid-dawl li hemm avveniment kbir dan ta’ SiGMA, biex kemm jista’ jkun in-nies ikunu jistgħu jkomplu l-vjaġġ tagħhom normali.”