Fil-100 sena mit-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija ġew imfakkra l-vittmi li tilfu ħajjiethom fiż-żewġ gwerer dinjija.
Jum li jiġi ċċelebrat mill-pajjiżi kollha tal-Commonwealth inkluż f’Malta, li kellha rwol daqstant importanti għal eluf ta’ suldati midruba. Dan hekk kif bil-qagħda ġeografika ta’ pajjiżna, Malta kienet u ħa tibqa magħrufa bħala l-Infermiera tal-Mediterran.
L-okkażjoni bdiet b’quddiesa li ġiet iċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Waqt l-omelija, l-Arċisqof semma kif bis-sehem tant importanti li kellha Malta, dan iċ-ċentinarju għandu jfakkar fid-dmir tagħna li nħarsu monumenti u postijiet storiċi ta’ dan il-perjodu storiku:
“Dan huwa ċentinarju li lilna jagħmlilna unur. Tkun ħaġa sabiħa li meta nħarsu lejn l-Isptar Bighi, u niftakru f’kemm minn hemmhekk għaddew mijiet ta’ sultati, b’mod speċjali fl-Ewwel Gwerra Dinjija, u li hemmhekk irċvew kura speċjalizzata. Niftakru wkoll fl-Australia House li kienet inbniet għad-divertiment, b’mod speċjali għal dawk tal-ANZAC, biex ikunu jistgħu jderru waqt li jkunu hawn bħala pazjenti. Dawn huma monumenti storiċi li ta’ min nibżgħu għalihom”.
Wara l-quddiesa, saret parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li wasslet għaċ-ċerimonja ta’ tifkira ħdejn il-Monument tal-Gwerra il-Furjana.
Hemmhekk tpoġġew il-kuruni biswit il-mafkar mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.
Preżenti kien hemm ukoll il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi għan-nom tal-ġudikatura flimkien ma’ numru ta’ persuni distinti fosthom ambaxxaturi li lkoll kemm huma poġġew il-kuruni f’ħoġor il-mafkar u sellmu l-memorja tal-vittmi taż-żewġ gwerer kbar.
Ittajjar ukoll l-ajruplan Fly Pass tal-Forzi Armati ta’ Malta li minnu intefgħu il-fjuri tal-pepprin, mument li kien segwit biċ-ċapċip ta’ dawk kollha li kien hemm preżenti.
Fl-istess ċerimonja, il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca spezzjonat il-gwardja tal-unur mill-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll lill-ħaddiema tas-servizz illum irtirati.
Għal din l-attivita’ spikkat il-preżenza ta’ numru ta’ eks ħaddiema tas-servizz fosthom mir-Royal British Legion u l-membri tal-familji tagħhom, żgħażagħ li huma cadets fil-qasam marittimu, ħaddiema oħra tal-korpi dixxiplinati u anke scouts li lkoll kienu hemm sabiex ifakkru dan il-jum tant importanti għad-dinja kollha.