Dawn li jidhru fir-ritratt huma wħud mill-oġġetti, li l-valur tagħhom ilaħħaq is-€36,000, li nsterqu fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju u s-Sibt 22 ta’ Lulju mill-Knisja tal-Immakulta Kunċizzjoni ta’ Bormla.
Fir-ritratt tidher l-labra bil-brillantini li fil-festa tal-Kunċizzjoni titpoġġa mal-kwadru tal-Madonna li tiswa madwar €20,000 flimkien ma’ uħud mill-kalċijiet li nsterqu. Flimkien ma’ dawn insterqu ukoll pissidi u ċiborji minn ġewwa s-sagristija.
L-ewwel indikazzjonijiet urew li persuna jew persuni xxabtu mal-iscafolding li bħalissa hemm mal-faċċata tal-Knisja minħabba r-restawr li qiegħed isir.
Min kien minn hemm daħal minn tieqa żgħira u kompla biex tefa’ ħabel minn fuq il-kor biex ikun jista’ jixxabbat miegħu u jinżel għal isfel.
Kien kmieni s-Sibt filgħodu meta wieħed mis-Sagristani tal-Parroċċa flimkien ma’ Alfonso Grech, li jgħin ukoll fil-knisja, daħlu fil-knisja biex bħal f’kull ġurnata oħra jippreparaw għall-ewwel quddiesa li ntebħu b’din is-serqa.
Wara li l-aħbar ġriet sew f’Bormla, One News tkellem ukoll ma’ bosta Bormliżi, fosthom ukoll dawk li ressqu lejn il-knisja biex jisimgħu l-quddies ta’ filgħodu, iżda spiċċaw ma tħallewx jidħlu minħabba li l-knisja kienet magħluqa għall-investigazzjoni.