Alex, il-kelb tar-razza husky ġie salvat wara li kien ilu midfun taħt it-terrapien għal 23 jum.
Il-kelb inħareġ minn qalb it-tiġrif li ħalla t-terrimot fit-Turkija u s-Sirja minn ħaddiema tas-salvataġġ nhar it-Tliet li għadda.
Fil-fatt, il-ħaddiema kienu qed iduru l-inħawi biex isibu kenn għall-persuni li salvaw minn dan id-diżastru, meta fil-bogħod semgħu l-kelb jingħi.
Immedjatament huma daħlu taħt biċċiet tal-konkrit imġarraf, fejn hemmhekk sabu lil Alex. L-operazzjoni ta’ salvataġġ ħadet siegħa u nofs; bil-kelb jerġa’ jingħaqad ma’ sidu li wkoll kien fuq il-post.
Il-kelb kien f’kundizzjoni tajba minkejja li tilef ħafna piż, iżda, huwa ttieħed għand il-Federazzjoni għad-Drittijiet tal-Annimali fit-Turkija għal kura meħtieġa.