Biswit il-bajja tax-Xatt l-Aħmar f’Għawdex ġie mgħarraq it-tanker ta’ 60 metru Hephaestus.
Issa dan il-bastiment se jservi ta’ attrazzjoni turistika għall-Maltin u l-Għawdxin u għall-mijiet ta’ turisti li jżuru pajjiżna għal skopijiet ta’ għadis.
F’ġurnata meta l-baħar kien qed jibla’ l-art, proprju fl-10 ta’ Frar tal-2018, it-tanker kienet żviluppatlu ħsara teknika li wasslet biex il-magni jiefqu jaħdmu.
Konsegwentement, kien inkalja u weħel mal-kosta ta’ Fra Ben fil-Qawra u għal diversi jiem serva ta’ attrazzjoni turistika għal bosta.
Is-seba’ persuni abbord inqabdu f’baħar imqalleb ħafna kawża ta’ maltempata li laqtet lil gżiritna dakinhar. L-ekwipaġġ irritorna l-art wara li abbanduna l-vapur, li ma kellux merkanzija fuqu.
Il-bastiment dam imwaħħal mal-kosta ta’ Fra Ben sal-festa ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu, meta ntemmet operazzjoni ta’ diversi ġimgħat biex jitneħħa.
Ilum il-midja kienet preżenti għall-mument meta ġie mgħarraq il-bastiment; operazzjoni li ġiet organizzata mill-Awtorità għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Għadis Professjonali.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, u l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.