Filmat li qed idur minn fuq il-midja soċjali juri l-mument li fih ħalliel daħal jisraq minn ħanut tal-mowbajls.
Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta ta’ 6:45 ta’ filgħaxija fi Triq Mannarino, f’Birkirkara.
Fil-filmat il-ħalliel jidher jgħasses il-ħanut mit-triq ta’ faċċata sabiex umbagħad daħal fil-ħanut b’sikkina u talab il-flus lil kaxxier li huwa raġel ta’ 20 sena li joqgħod Ħ’Attard.
Hekk kif ħa l-flus, il-ħalliel ħarab bil-pass minn fuq il-post. Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Astrid May Grima li ħatret Inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.