Mill-10 ta’ Mejju se jerġgħu jiftħu r-ristoranti sal-5pm, u jista’ jerġa’ jibda t-taħriġ tal-isport professjonali kollu.
Dawn kienu żewġ rilaxxamenti ewlenin li jistgħu jsiru mill-10 ta’ Mejju u li ħabbarhom il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja l-Ħadd filgħodu, flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Qal, “Fl-aħħar ġimgħat bid-deċiżjonijiet li ħadna flimkien u bis-sagrifiċċji li għamilna bħala pajjiż wieħed maqgħud, rnexxielna nżommu taħt kontroll in-numru ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19. Aktar importanti minn hekk inżammet f’qagħda tajba ħafna s-sitwazzjoni fl-istparijiet tagħna, kif ukoll fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.”
Fil-fatt, il-Prim Ministru ħabbar li mill-10 ta’ Mejju; Ir-ristoranti u l-isnackbars jistgħu jiftħu sal-5pm. Dan b’massimu ta’ 4 persuni mal-mejda. Wara l-5pm dawn jistgħu jaħdmu b’servizz ta’ takeaway.
Ħabbar ukoll li jista’ jerġa’ jibda t-taħriġ tal-isport professjonali kollu filwaqt li jista’ jkompli l-contact sports mingħajr spettaturi. Ikomplu wkoll l-attivitajiet extra kurrikulari, il-lezzjonijiet tad-duttrina, u mill-ġdid jistgħu jerġgħu jarmaw is-swieq fil-mifuħ.
Mill-10 ta’ Mejju wkoll se jitneħħew ir-ristrezzjonijiet fuq l-ivvjaġar bejn Malta u Għawdex.
Mill-10 ta’ Mejju
- Ir-ristoranti u l-isnack bars jistgħu jiftħu sal-17:00
- Jerġa’ jibda t-taħriġ tal-isport professjonali kollu
- Ikompli l-isport non-contact mingħajr spetturi
- Ikomplu attivitajiet ekstrakurrikulari
- Ikomplu l-lezzjonijiet tad-duttrina
- Jarmaw is-swieq fil-miftuħ
- Jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li kif pjanat mit-Tnejn 26 ta’ April se jerġgħu jinfetħu l-ħwienet mhux essenzjali u jingħataw is-servizzi mhux essenzjali.
Spjega, “In-numru ta’ persuni permessi fi gruppi fil-pubbliku issa jitilgħu għal 4 u fid-djar jistgħu jkunu mistiedna sa 4 households mit-tnejn li huma permessi bħalissa. Se jkunu mill-ġdid permessi wkoll iż-żjara fl-isptarijiet Mater Dei u Monte Karmeli. Il-mixja lejn in-normalità skont il-miri li fassalna għal dan il-pajjiż se tkompli b’mod gradwali.”
Kien hawnhekk li Dr Abela rrimarka l-għaqal u l-kawtela li qed jimxi bihom dan il-Gvern fir-rilaxx ta’ miżuri minkejja s-sitwazzjoni pożittiva mmens li jinsab fiha pajjiżna.
Tenna li dan qed isir sabiex ma jiġix preġudikat sajf ta’ turiżmu u xogħol li jfisser rkupru ekonomiku għal pajjiżna.
B’rabta mal-għajnuna lis-sidien tar-ristoranti u l-barijiet, il-Prim Ministru sostna li l-Wage Supplement se jibqa’ jingħata. Dan filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jitqassmu l-vouchers b’allokazzjoni ta’ €45 miljun, sabiex ikomplu jgħinu fl-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna.
Qal, “Ma ħallejna lil ħadd waħdu. Dan hu pajjiż li jagħmilna tant uniku. Issa rridu nibqgħu magħqudin biex fil-passi li fadal lejn żmien isbaħ flimkien bħala poplu wieħed nimxu b’saħħitna ‘il quddiem lejn is-suċċess li verament jixraqilhom Malta u Għawdex.”