L-aktar li kellna mwiet fl-2021 f’pajjiżna kien b’rabta ma’ mard taċ-ċirkolazzjoni, inklużi attakki tal-qalb u puplesija. Dawn kienu jammontaw għal 1,230 persuna.
B’kollox, l-imwiet fis-sena 2021, ammontaw għal erbat elef, mija u sitta u sittin persuna.
Dan ħareġ minn statistika li ġiet ippreżentata fil-Parlament mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.
Wara, bl-akbar numru, kien hemm dawk li mietu bil-kanċer, li ammontaw għal 997 persuna. L-etajiet ta’ dawn kienu jvarjaw minn tarbija ta’ anqas minn sena, tlett itfal jew żgħażagħ ta’bejn sena u 24 sena, 17-il persuna ta’ bejn 25 u 44 sena, 181 persuna ta’ bejn 45 u 64 sena, u 795 anzjan jew anzjana. B’kollox, 449, 341, u 230 persuna mietu b’rabta mal-mard tas-sistema respiratorja, mad-dimensja, u mad-dijabete rispettivament.
Tmint trabi mietu minħabba kumplikazzjonijiet qabel jew wara l-ħlas, sitt trabi minħabba problemi konġenitali, tarbija mietet minħabba inċident, u tarbija oħra minħabba kawżi oħra.
F’sena li kienet ikkaraterizzata mill-pandemija tal-Covid-19, tilfu ħajjithom kawża ta’ dan il-virus 209 persuna, li l-maġġoranza tagħhom kellhom aktar minn 65 sena.
L-istatistika uffiċjali turi wkoll li fl-2021 twettqu 35 suwiċidju, b’ħames vittmi ma kinux jaqbżu l-24 sena.
Omiċidju wieħed biss ġie rreġistrat fis-sena msemmija.
Sentejn ilu, 113-il persuna mietu minħabba mard tal-kliewi u tal-bużżieqa tal-awrina, filwaqt li 6 persuni mietu kawża ta’ inċident tat-traffiku.
Inċidenti oħra, bħal waqgħat aċċidentali jew għarqa, ammontaw għal mija u erbgħa, u mwiet minħabba kawżi oħra ammontaw għal mija u tlieta.