Minn ittri li kienet tirċievi minn ħbieb li kienu jgħixu barra minn Malta meta kienet iżgħar, l-awtriċi ġdida Josianne Block fasslet, kitbet u ppubblikat l-ewwel ktieb tagħha: 360 grad.
Dan se jlaqqana ma’ Claire, tfajla Maltija ta’ 15-il sena, li fettlilha tikteb ittra lil ġuvni ieħor barra minn Malta li qatt ma ltaqgħet miegħu… John, li għandu 28 sena, u jgħix Londra.
Minn hemm, tibda korrispondenza kontinwa. Josianne spjegatilna li “hija korrispondenza ta’ ittri u kartolini, u ddeċidejna li ninkludu l-kartolini għaliex għidna li xi ħadd mill-karattri kienu fuq vaganza u ma setgħux jiktbu ittra twila, allura jiktbu kartolina qasira”.
L-awtriċi, li hija wkoll għalliema, spjegat li l-idea kienet ilha li nibtet f’moħħha snin ilu…
“Meta kont żgħira kont nirċievi l-ittri anke minn ħbieb minn Spanja jew mil-Litwanja, u kont ngħid li xi darba rrid nelabora din l-idea u forsi xi darba nippubblika ktieb dwarha. Fil-ktieb hemm ħafna sitwazzjonijiet realistiċi li jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ kuljum, għaliex ridt nagħmel xi ħaġa li l-addoloxxenti tal-lum jistgħu jirrelataw ħafna magħha”.
Magħna, Block spjegat ukoll mument mill-isbaħ li esperjenzat ftit wara li kien ippubblikat il-ktieb.
“Kelli student li mar jixtrih mal-ewewel, u qalli li l-ktieb fih ħafna ħsibijet li kemm-il darba għaddew minn moħħu imma jistħi jitkellimhom mal-ġenituri, iżda sabhom f’dan il-ktieb. Xi ħaġa li verament apprezzajt”.
Il-ħolma issa twettqet u l-istorja ta’ Claire, John, u l-famużi ittri u kartolini, nistgħu ngawduha aħna lkoll.
U għall-kittieba żagħżugħa, dan hu biss il-bidu.