“Kuntenta ħafna li ltqajt miegħek, imma issa se jiddispjaċini li ltqajna għaliex probabli mhux se nkun nista’ nerġa’ narak, sakemm ma terġax tkun stazzjonat hawn jew jien niġi hemm.”
Dan hu sentiment li bosta xbejbiet maltin kienu jesprimu f’ittra lil xi fizzjal Ingliż, li wara li jkunu laqgħuh mhux biss f’pajjiżhom imma f’qalbhom, ikun se jirritorna pajjiżu.
Waħda minnhom kienet l-ewwel President mara ta’ Malta, Agatha Barbara, kif illum jikxfu tliet ittri li kienet bgħatet lil ċertu Derek Barnes. L-ittri instabu minn oħtu fi tliet albums tar-ritratti ta’ ħuha.
L-ittra jikxfu kif hija kienet iltaqgħet ma’ Barnes fil-Hotel Phoenicia u minn hemm nibtet ħbiberija bejniethom.
Fl-ittri, Barbara ssemmi kemm il-ħajja politika tagħha ma kinitx tħallilha ħin biżżejjed biex ikunu jistgħu iqattgħu iżjed ħin flimkien. Titkellem ukoll dwar laqgħat li kellhom fejn fihom kienet tieħdu jara l-isbaħ postijiet f’pajjiżna.
Fl-ewwel ittra, stednitu għall-inawgurazzjoni tal-leġislatura fis-sala tat-tron. It-tieni ittra bgħatitha hekk kif saret taf li Barnes kien se jkollu jirritorna l-Ingilterra wara żmien stazzjonat f’pajjiżna. F’din turi x-xewqa li fil-futur qrib terġa żżur l-Ingilterra filwaqt li tgħidlu sabiex ma jinsihiex u jerġa’ jiktbilha lura.
Fl-aħħar ittra l-eks President tirreferi għal diżgwit li kien hemm bejniethom u li kienet sorpriża li għaldaqstant xorta kien reġa’ bgħatilha ittra oħra.
Kienet oħt Barnes, Ann Wickam, li ġabet l-ittri Malta biex issib post addattat fejn jinżammu. Dawn inkitbu fl-1949, meta Barbara kellha biss 26 sena. L-ittri nnifishom jikxfu l-passjoni li kellha lejn il-politika u lejn il-pajjiż, iżda juru wkoll parti aktar sensittiva tagħha. Parti minnha li tul il-karriera politika tagħha qatt ma wriet.
F’artiklu f’The Sunday Times ġie rraportat ukoll li waqt żjara li għamlet f’Malta, Wickam iltaqgħet ma rappreżentanti mill-Università ta’ Malta li bħalissa għaddejjin bil-katalogar ta’ numru ta’ ittri u dokumenti oħra tal-eks president, u l-unika talba tagħha kienet li tkun mgħarrfa jekk jinstabux xi tweġibiet li Barnes seta’ bagħtilha lura.
Ritratti: Times of Malta