Il-famużi stilel magħrufa tal-Michelin waslu wkoll f’pajjiżna.
Dan hekk kif għall-ewwel darba tliet ristoranti f’Malta ngħataw l-ewwel stilla minn tlieta tal-Michelin, tikketta magħura li tikklassifika l-aqwa restoranti fid-dinja.
Ir-restoranti li kisbu l-ewwel stilla huma Noni u Under the Grain fil-Belt u d-de Mondion li jinsab fil-belt siekta tal-Imdina.
L-istilel jingħataw fuq bosta kriterji foshtom it-tjubija tal-ikel, il-konsistenza u l-professjonalità fir-restorant.
Ir-restoranti kollha li jingħstaw l-istilel tal-Michelin jiġu inklużi fil-ktejjeb anwali li toħroġ il-kumpanija Michelin. Il-Ktejjeb jinkludi aktar minn 14,000 restorant minn 31 pajjiż madwar id-dinja.
ONE News żar ir-restorant Noni fil-Belt fejn hemmhekk tkellimna max-Chef Jonathan Brincat li għal żmien twil ħadem fil-lukanda Corinthia ta’ Londra taħt ix-chef rinomat Gary Hollihead.
Huwa rrakkonta kif malli kiseb l-esperjenza li kellu bżonn, ġie lura Malta sabiex jiftaħ ir-restorant tiegħu stess. Brincat stqarr: “Dan ir-restorant sibtu xi 3 snin ilu, waqajt taf kif ġo fih. Malli dħalt kont naf li dan il-post għalina, għandna forn tal-ħatab uwekk irranġajnih bis-saħħa tal-partner tiegħi u llum għadna għaddejin.”
B’sodisfazzjoni fuq wiċċu, Brincat qalilna li l-ġurija tal-Michelin daqu u ġġudikaw il-platti tagħhom għall-għarrieda mingħajr ebda avviż.
Brincat sostna: “Hija xi ħaġa li ma konniex nafu biha, ġew jieklu hawnekk ovjament għoġbhom l-ikel u ħadna dan l-award. Hija xi ħaġa li ma stennejniex daqsekk però ilna naħdem żmien twil li jkollna prodott tajjeb li jattira lil dawn in-nies.”
Qalilna li jsiru bosta platti fosthom dawk tradizzjonali Maltin b’laqta differenti: “Aħna nagħmlu ikel li tista’ ssejjaħlu tradizzjonali Malti imma ndawruh il-mod u l-verżjoni tagħna.”
B’reazzjoni l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli laqgħet din l-aħbar sabiħa u qalet li hija konferma favur il-kwalità tax-chefs lokali u l-kċina Maltija. Hija awgurat lit-tliet chefs li jmexxu l-kċejjen ta’ dawn ir-restoranti u rrimarkat kif kollha kemm huma, huma eks student tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi l-ITS.
Min-naħa tagħha, l-Assoċazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti l-MHRA laqgħet ukoll din l-aħbar u fissritha bħala xhieda tal-impenn ta’ dawk kolha involuti fis-settur turistiku sabiex ipoġġu l-ospitalità u l-kċina Maltija fuq il-mappa dinjija.