In-nies tgawdi u bosta jħejju biex il-festa tal-belt jew raħal tagħhom jgawduha mal-familja. Iżda għalkemm naħsbu f’dawk li jippreparaw l-armar u n-nar, ftit tgħaddilna minn rasna kemm is-soċjetajiet mużikali u l-baned ikollhom x’jogħmodu qabel il-festa.
Saret uġigħ ta’ ras għal kull surmast u delegat tal-banda biex isib bandisti li lesti jonfħu fuq li jonfħu għall-marċi brijużi waqt li ħaddieħor ikun fuq l-ispallejn fis-seba’ sema’.
Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri spjega kif in-numru ta’ bandisti naqas ferm u bosta baned iridu jinqdew bl-istess grupp ta’ mużiċisti: ” Il-bandisti, jew aħjar mużiċisti milli bandisti ngħid jien, qed jitolbu ħlas aktar għaliex l-impenn huwa ikbar u aktar ukoll in-numru ta’ bandisti jew mużiċisti li hemm available huwa nieqes u allura qed nippruvaw ukoll li nsibu bilanċ bejn dak li għandu dritt jieħu l-bandist imma dak ukoll li għandu jitlob il-każin tal-banda.”
Dwar il-ħlasijiet tal-bandisti, il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda qal li twaqqfet Kummissjoni għall-Etika fi ħdan l-għaqda li jmexxi u qed jiġi propost li ssir klassifikazzjoni tal-bandisti li jitħallsu skont l-esperjenza li għandhom.
Spjega wkoll proposta oħra li mistennija tinżel tajjeb fost il-bandisti li jdawrulek lira f’sajf fejn kull ġimgħa jdoqqu f’ġieħ bosta qaddisin li hemm fis-sema’ u oħrajn jimxu fl-art!
Konxju mill-fatt li hawn bandisti li jitħallsu saħansitra sa sitt xhur wara li jkun taw is-servizz, l-avukat Camilleri saħaq li għandu jkun stabbilit perjodu sa meta l-bandist għandu jirċievi l-ħlas.
Dwar l-isfidi tal-baned, tkellem magħna wkoll is-surmast żagħżugħ Daniel Vella.
Għalkemm pożittiv għax-xogħol fejjiedi li jagħmel kull każin tal-banda, jispjega l-affarijiet li jħabbat wiċċu magħhom. “Illum sar hawn ħafna aktar servizzi, il-festi jien niftakarhom jibdew mill-ewwel jum tat-tridu, illum jibdew mill-Ħadd ta’ qabel. Allura x’jiġri? Ikollok aktar baned għaddejin idoqqu, allura ssib inqas nukleu ta’ nies għax in-nies iridu jitqassmu biex kullħadd jgħaqqad il-banda tiegħu. Ovvjament hemm hekk niġu bil-problema fejn qed isiru wkoll ħafna programmi, li huwa tajjeb imma wkoll imbagħad nispiċċaw li peress li n-nukleu huwa mhux kemm nixtiequ, ikollok problema wkoll ta’ rehearsals allura tispiċċa li fejn is-soltu konna nagħmlu erba’ rehearsals qabel il-programm illum tispiċċa tagħmel tnejn u kullħadd edgy li jrid imur ilaħħaq servizz ieħor.”
Fi sforz ieħor biex tattira aktar alljievi li jagħżlu li jitgħallmu strument mal-baned Maltin u Għawdxin, minn Ottubru li ġej, fl-Università ta’ Malta se jibda kors li se jħarreġ l-għalliema tal-mużika filwaqt li t-tagħlim mogħti fil-każini jiġi aġġornat. Noel Camilleri fakkar li “Is-surmastrijiet u l-assistenti surmastrijiet u għalliema se jingħataw kors akkademiku rikonoxxut kemm Malta u anki internazzjonali biex it-tagħlim tal-mużika ġol-każini, li nfakkar isir dejjem b’xejn, ikompli jgħolli l-livell biex dak li hemm inkomplu nsaħħuh u l-futur tal-każini tal-banda Maltin u Għawdxin jiġi garantit.”