B’taħbita fuq il-bieb issib il-mediċina wara biebek minflok tmur għand l-ispiżjar għaliha. Din hija parti mill-ħidma li qed tagħmel l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali, l-LESA f’dan iż-żmien ta’ sfida, fejn qed tqassam il-mediċini lil persuni li huma fis-sistema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek.
Matul il-jum tal-Erbgħa biss, l-Aġenzija qassmet il-mediċina f’62 dar, għamlet 460 spezzjoni fuq stabbilimenti kif ukoll spezzjonijiet f’21 lokalità għall-persuni li jkunu fi grupp ta’ aktar minn tlieta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Raymond Zammit qal li din il-ħidma qed issir apparti x-xogħol kontinwu li jwettqu l-uffiċjali tal-komunità.
“L-aġenzija baqgħet impjenjattiva, li nista’ ngħid forsi anki xogħol li ma jidhirx, illi kien hemm dawn l-aħħar tliet ġimgħat total ta’ ‘l fuq minn 700 sejħa għall-assistenza dawk li huma ħabtiet żgħar”
L-Aġenzija qed tavża biex f’każ ta’ ħabta li ma jkunx hemm konsegwenzi gravi, is-sewwieqa għandhom jimlew il-formola tal-inċidenti fit-toroq biex kemm jista’ jkun jiġi evitat il-kuntatt bejn il-persuni.
Apparti dan il-LESA ħadet miżuri oħra sabiex tassigura saħħet il-ħaddiema tagħha.
“Għal dan il-għan jekk tibda pereżempju mill-uffiċjali dawn ingħataw kemm informazzjoni, dik li ħarġet mill-awtorità tas-saħħa ta’ kif għandhom jaġixxu. Ingħataw ukoll sanitizers, ingħataw ukoll ingwanti u l-maskli fejn ikun hemm bżonn jintużaw. Kontinwament qed jiġu mgħarrfa x’għandhom jagħmlu, mhux biss biex tfakkar però ovvjament biex kemm jista’ jkun jimxi u ma jkollniex minn dawn it-tip ta’ problemi li forsi jistgħu jiltaqgħu magħhom”
L-aġenzija ħadet ħsieb ukoll biex ċertu xogħol isir mid-dar u dan mingħajr ma jkun hemm xkiel fl-operat.
Il-Kap Eżekuttiv wieġeb ukoll għal min lanqas intebaħ li l-uffiċjali tal-komunità qed jagħtu kontribut waqt din il-pandemija u fost l-oħrajn iqassmu l-mediċina.
“Imma minkejja kritika li forsi wieħed jista’ jagħmel kontra dawn l-uffiċjali, kritika li fl-opinjoni personali tiegħi hija bla bażi ta’ xejn, li ma naħsibx li hija aċċetabbli b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet li verament il-ħaddiema qed jagħmlu li jistgħu, li ma tagħmilx sens kemm lejhom u aktar lejn il-familja tagħhom”