Fl-2012 kienu madwar mija u ħamsin il-persuni li tilfu saqajhom minħabba l-kumplikazzjonijiet marbuta mad-dijabete.
Is-sena li għaddiet, dan in-numru naqas drastikament għal madwar ħamsin.
Iżda minkejja li inqas persuni qed jitilfu riġlejhom, mijiet oħra qed jitilfu s-swaba’.
Fil-Jum Dinji tad-Dijabete, ONE News segwa mill-qrib operazzjoni maġġuri li ħadet madwar erba’ sigħat, u li matulha l-pazjent salva saqajh iżda tilef żewġt iswaba’.
Il-Professur u Kirurgu Kevin Cassar spjega li f’dan il-każ – bħal f’ħafna oħrajn, kollox beda minn saba’ kkankrat – li wassal biex instaddu l-arterji fil-koxxa u ż-żaqq tal-pazjent.
Matul l-intervent, li sewa lill-Isptar Mater Dei mill-inqas €30,000, infetħet is-sieq tal-pazjent biex saret dik imsejħa bypass – fejn intużat vina mill-koxxa tal-pazjent biex inħolqot arterja ġdida li tkun tista’ tieħu post dik li tkun instaddet.
B’tim magħqud magħmul minn anestetisti, infermieri u radjologi – fost l-oħrajn, saret operazzjoni li b’visti regolari għand il-podoloġisti setgħet tkun evitata.Il-Professur spjega li wara operazzjoni bħal din, jonqos l-uġigħ u l-kumplikazzjonijiet, fl-istess waqt li l-pazjent jibqa’ jgħix ħajja indipendenti.
Spjega kif “F’dan il-każ, l-ewwel ħaġa neħħejnielu l-uġigħ qawwi. It-tieni, neħħejna l-partijiet li kienu kkankraw u allura jkunu qed imarrda l-ġisem. It-tielet għandu ċirkolazzjoni aħjar fis-sieq u jekk Alla jrid ikun jista’ jimmobilizza, jimxi u jkompli bl-affarijiet li kien jagħmel qabel u jibqa’ indipendenti għax ma jitlifx siequ.”
Il-Professur Cassar spjega li hawn ħafna x’jista’ jsir biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn li tinqata’ s-sieq.
Irrimarka li meta tinqata’ s-sieq, il-pazjent għandu riskju għoli ta’ mewt, hekk kif aktar minn ħamsin fil-mija ta’ nies li jitilfu s-sieq ’il fuq mill-irkoppa, imutu fi żmien sitt xhur.
Għaldaqstant appella biex bl-apparat fiċ-ċentri tas-saħħa, mediċini ġodda, u issa li qed jingħataw il-meters u sticks b’xejn, kulħadd jiċċekkja z-zokkor u jara li jkun kontrollat.
Cassar spjega li “Meta jaraw xi ħaġa jitkellmu mill-ewwel u jmorru jew għand it-tabib jew għand il-podoloġisti jew l-isptar biex meta l-ħaġa tkun għadha fil-bidu, aħna nkunu nistgħu nilħquha u nintervjenu kmieni biex ma naslux għal dawn l-operations il-kbar.”
F’Malta huwa stmat li l-persuni dijabetiċi jamontaw għal erbgħin elf. Numru li mistenni saħansitra jiżdied, l-aktar minħabba l-problema tal-obeżità, u għax in-nies qed jgħixu iżjed fit-tul. Għaldaqstant l-appell biex wieħed jilqa’ għall-effetti tad-dijabete qabel ma jkun tard wisq.