L-inċidenti fuq il-post tax-xogħol isiru meta wieħed ma jimxix mar-regoli stabbiliti mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Dan sostnih Dr Melhino Mercieca, senior manager tal-awtorità fejn spjega kif ir-regolamenti isiru sabiex ir-riskju tal-inċident jitnaqqas:
“Tajjeb ukoll li ngħidu li l-inċidenti jsiru għax ma nosservawx ir-regolamenti. Mhux argument li ngħidu jekk l-awtorità għandhiex riżorsi biżżejjed. L-inċidenti għaliex isiru? Għax ma jimxix mar-regolamenti li huwa obbligat li josserva”.
Fl-isfond ta’ traġedja oħra f’sit ta’ kostruzzjoni f’Tas-Sliema, Dr Mercieca spjega li minkejja li huma ħafna li jimxu mar-regoli stabbiliti mill-awtorità xorta għad hemm min jagħżel li jaqta’ l-kantunieri bil-għan li jħaffef jew jgħaġġel ix-xogħlijiet.
Għal dawk li ma jimxux mar-regoli l-awtorità timponi multi, żgombru mis-sit kif ukoll passi legali kontra dawk li jiksru l-liġi:
“Ovvjament meta wieħed ma josservax ir-regolamenti apparti l-fatt li inti qed iżżid ir-riskju li jista’ jkun hemm inċident fuq il-post tax-xogħol u dik hija l-azzjoni primarja għandek ukoll affarijiet li tfaqqaf ix-xogħol u anki jittieħdu passi legali kontra persuna li jkun qed jikser ir-regolamenti”.
Dr Mercieca spjega wkoll kif l-istrutturi armati sabiex isiru xogħlijiet fuqhom għandhom ikunu siguri u li kull ħaddiem għandu jilbes l-ilbies protettiv kollu.
Spjega wkoll li l-ħaddiema għandhom bżonn ikollhom għarfien dwar l-apparat li jkollhom u kif għandhom jużawh sabiex jiġu evitati aktar inċidenti traġiċi:
“L-ewwel irridu neliminaw ir-riskju jew inaqqsu riskju b’mod illi l-ilbies protettiv ikun l-aħħar għażla. L-importanza tat-taħriġ dejjem ngħidu bħala OHSA kemm hu importanti li l-ħaddiema jkollhom taħriġ u informazzjoni bażika biex inkomplu nnaqqsu l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol”.
Dr Mercieca appella wkoll lill-pubbliku li l-uffiċjali tal-OHSA ma jistgħux ikun f’kull post u f’kull ħin u għalhekk meta xi ħadd jinnota xi abbuż għandu minnufih jinforma lill-awtorità sabiex tkun tista’ tieħu passi.
Fakkar ukoll kif filmati mxerrda fuq il-midja soċjali jistgħu itellfu f’investigazzjonijiet ulterjuri li jistgħu isiru.