Il-baġit għall-2019 intlaqa’ tajjeb ħafna minn diversi msieħba soċjali, u kulħadd ikkummenta dwar dak li l-aktar laqat lilu.
Il-Prisdent tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin apprezza l-fatt li l-Gvern sema’ u laqa’ bosta proposti li saru mill-MDA; b’mod partikolari fejn tidħol l-akkomodazzjoni affordabbli.
Iżda lil’hinn minn dan is-settur, fi kliem is-Sur Chetcuti, dan kien baġit tal-poplu:
“Il-ġid li qed jitkattar gawda minnu l-poplu speċjalment fejn jidħlu l-pensjonanti, studenti, trasport pubbliku, jidher li kien hemm effort min-naħa tal-Gvern biex jindirizza mhux lin-negozji imma lill-poplu inġenerali u jidher li m’hemm l-ebda taxxi żejda imposti fuq in-negozji”.
Il-fatt li dan kien it-tieni baġit konsekuttiv bla ebda taxxa ġdida, intlaqa’ tajjeb ħafna mill-Kamra tal-Kummerċ, li nnotat kif dan se jissarraf f’aktar flus f’idejn il-poplu.
Iżda l-Kamra tal-Kummerċ marret lil’hinn minn dan. Il-President Edward Bonello qal li “rajna li qed isiru bis-serjetà affarijiet u liġijiet ġodda fejn jidħol money laundering biex darba għal dejjem inneħħu dat-tabù li Malta hija tax haven. Importanti li l-messaġġ barra mill-pajjiż ikun wieħed tajjeb biex nibqgħu kompetittivi u nġibu aktar investiment lejn pajjiżna għax wara kollox l-investiment huwa importanti”.
Il-President tal-GRTU Paul Abela, laqa’ ż-żidiet fil-pagi, u tkellem dwar tliet miżuri oħra li fi kliemu għandhom jgħinu b’mod tanġibbli lin-negozji ż-żgħar u lil dawk li jaħdmu għal rashom:
“Persuni self-employed issa jistgħu jieħdu l-benefiċċji soċjali bħalma jieħdu l-impjegati, se jkun hemm ukoll miżura fejn ħa tiġi estiża li jekk il-missier irid jgħaddi negozju lit-tfal se jkun hemm inċentiv fiskali minflok 5% tħallas 1.5% u se jkun hemm ukoll inċentivi biex is-self employed ikollu t-tieni pensjoni”.
Dwar il-miżuri fis-settur turistiku tkellem Andrew Agius Muscat f’isem l-MHRA, li b’sodisfazzjon innota kif dan il-baġit jindirizza l-konnettività u s-sostenibbiltà – speċjalment fejn tidħol l-Air Malta – b’żieda fil-flotta u r-rotot:
“Rajna wkoll fil-baġit li hemm numru ta’ inizjattivi, l-embellishments ta’ żoni turistiċi, trasport pubbliku, sigurtà element importanti fis-settur turistiku, l-ambjent u numru ta’ inizjattivi li huma importanti ħafna”.
Li hu żgur hu li fost dawk li tkellmu mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE, irrenja s-sentiment ta’ sodisfazzjon.