Matul din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta strateġija msejħa ‘Farm to Fork’.
Din l-istrateġija għandha l-għan li twassal politika sostenibbli fil-produzzjoni tal-ikel.
Dan billi anki jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent u l-biodiversità.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli qalet li dan irid isir iżda fl-istess ħin irridu naċċertaw li l-bdiewa jkollhom dħul finanzjarju adegwata filwaqt li nħarsu l-kompetittività tas-settur agrikolu.
“Il-bdiewa Ewropej inkluż il-bdiewa Maltin għandhom jingħataw l-għodda necessarji biex jaddattaw għat-tibdil fil-klima billi anke jinvestu f’sistemi agrikoli sostenibbli”, saħqet l-Ewro-Parlamentari Miriam Dalli.
Hija sosniet: “Inħarsu l-prodott agrikolu minn xħin ikun qiegħed fl-għelieqi tagħna sa xħin jasal fuq il-platt tal-Maltin u l-Għawdxin għaliex wara kollox iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għandhom id-dritt għall-prodott agrikolu li jkun b’saħħtu, ma jkunx mimli anti-bijotiċi, li ma jkunx mimli pestiċida u jiena naf li l-bdiewa Maltin dan jixtiequ jagħmluh ukoll. Għandhom bżonn li nitkellmu magħhom, noffru inizjattivi u noffru l-għajnuna neċċessarja biex dan isir.”
Dr Dalli żiedet tgħid li d-diġitalizzazzjoni fil-qasam agrikolu huwa aspett importanti biex ikun assigurat ikel nutrittiv u biex tonqos il-ħela ta’ ikel u skart.
Miriam Dalli sostniet li se tkompli taħdem biex ikun hemm mira b’saħħitha ħalli tonqos il-ħela tal-ikel fejn hu stmat li sal-2030, din għandha tonqos bin-nofs.