Din is-sena sa issa, il-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija ġie mitlub jassisti fuq aktar minn elf u disgħin każ.
Ftit qabel jiġi ċċelebrat il-jum li jfakkar u jirrikonoxxi l-ħidma tal-uffiċjali tal-Pulizija f’pajjiżna, żorna dan il-Laboratorju, li jinsab fil-binja tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Hemmhekk stajna nosservaw mill-qrib il-ħidma ta’ dawn l-uffiċjali, li ħafna drabi, wieħed jarahom fuq xi xena ta’ reat jew inċident, josservaw id-dettalji u jiġbru l-evidenza minn fuq il-post.
Fl-uffiċini varji ta’ din it-Taqsima, fosthom tad-DNA, tal-istampar tar-ritratti, u tal-ballistika, stajna ninnotaw l-apparat mill-aktar modern li jaħdmu bih, fosthom drones u scanners li jaħdmu bil-laser, li jaqbdu l-iċken dettalji.
Quddiem waħda mill-karozzi elettriċi l-ġodda li għadha kemm ingħaqdet mal-flotta ta’ din it-Taqsima, l-Ispettur Charlot Casha spjegalna li l-ħidma maġġuri li ssir mill-uffiċjali tal-Forensika, hija dik ta’ assistenza xjentifika fuq xeni ta’ reati.
Qal, “L-ewwel ħaġa li nagħmlu hija li nirreġistraw u niddokumentaw ix-xena għaliex dik ix-xena, ġaladarba tiġi proċessata jew jidħlu n-nies fiha, ħa tkun qed tinbidel jew jiżdiedu iktar traċċi li aħna nkunu qed infittxu. Allura l-ewwel ħaġa li nagħmlu hija li nirrekordjawha, permezz ta’ notamenti, ritratti, filmati, u llum il-ġurnata anki nipproċessaw ix-xena sabiex noħorġu 3D image tagħha.”
Il-proċessi li jsegwu huma l-eżamijiet forensiċi fil-laboratorji, f’oqsma bħal dawk diġitali u tat-traċċi tad-DNA.
Qal, “Kull oġġett li jista’ jagħti profil ġenetiku ta’ DNA, jista’ jkollok ħġieġ, żebgħa, dmija, fejn hemm eżamijiet speċifiċi fuq dmija – dak li jgħidulu blood pattern analysis biex aħna naraw permezz tal-patterns tad-dmija x’jista’ jkun ġara, biex nagħmlu dik li ngħidulha, ir-reconstruction tax-xena.”
Wieħed mil-laboratorji li jinsabu f’din it-Taqsima, huwa l-Ballistics Unit, li jeżamina u jaħdem fuq każi li jinvolvu armi tan-nar.
Qal, “Meta tiġi sparata arma tan-nar, għandek l-arma fiha nnifisha, x’ġara wara, il-bullet jew l-ammunition li nħareġ mill-arma, fejn spiċċat, kif spiċċat, x’veloċità, direzzjoni, it-target x’kien.”
Fil-fatt biex isiru t-testijiet f’dan ir-rigward, hemm anki tank kbir tal-ilma apposta, imsejjaħ Firearms Test Firing Water Tank, fejn jistgħu jiġu sparati l-armi biex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji fuqhom.
Qal, “Dawn l-ispeċjalisti li jaħdmu f’din il-unit jagħmlu l-analiżi tagħhom f’dan ir-rigward, kemm fuq l-arma, kif ukoll x’ġara waqt dak l-inċident.”