Permezz ta’ sforz kollettiv minn diversi istituzzjonijiet tal-pajjiż, is-sigurtà f’pajjiżna qed tkompli tkun prijorità.
Dan l-istazzjon segwa l-iżviluppi f’dan ir-rigward fil-lokalità tal-Marsa, li sa ftit ilu kienet magħrufa għall-isfidi li r-residenti tagħha jaffaċċjaw.
Is-servizz tal-Pulizija fil-Komunità huwa katalist f’dan l-isforz, għax fin-natura tiegħu iressaq lill-uffiċjali responsabbli miż-żamma tal-ordni aktar lejn iċ-ċittadin filwaqt li jibni relazzjoni miegħu.
L-ispettur Mark Cremona stqarr kif l-ewwel prijorità kienet li jistabilixxu d-dinamika tal-isfidi fil-Marsa. Għalhekk, sar rapport li evalwa l-impatt tas-sitwazzjoni fuq ir-residenti.
Mir-rapport ġew innotati bosta sfidi, fosthom ir-rimi tal-iskart barra u l-abbuż mid-droga.
Huwa qal li, permezz ta’ dan is-servizz tal-Pulizija fil-Komunità, il-Pulizija qed toffri mod ieħor kif il-pubbliku jagħmel kuntatt magħha.
L-ispettur stqarr, “Offrejna bidla lill-komunitajiet tagħna billi tajniehom servizz personalizzat. Aħna, iktar milli qed ngħidu, ‘isma’, hemm l-għassa miftuħa u inti tista’ tmur tagħmel rapport’ – li dak is-servizz baqa’ – qed ngħidu li l-ġurnata tal-lum inti tista’ ċċempel lill-Pulizija fuq il-mobile tiegħu u tkellmu u tagħti dak is-servizz jew inkella tagħmel appuntament u tmur tiltaqa’ miegħu.”
Il-Pulizija qed taħdem wkoll ma’ diversi entitajiet, bħall-Aġenzija Appoġġ u l-għaqdiet fl-irħula u fil-bliet, sabiex ittejjeb dan is-servizz. L-għan aħħari hu li dan is-servizz jiġi estiż ma’ Malta u Għawdex kollha sa tmiem din is-sena.
L-infrastruttura fil-lokalitajiet ukoll hija importanti sabiex ikun hemm aktar sens ta’ sigurtà. Fil-fatt, fil-lokalità tal-Marsa qiegħed isir investiment kontinwu fil-ġonna u fl-ispazji pubbliċi sabiex jilqgħu lir-residenti f’postijiet adegwati fejn jistgħu jqattgħu ħin ta’ mistrieħ ’il bogħod mill-periklu.
Fi Ġnien Belvedere, waqt attività organizzata minn għaqda fil-lokalità, is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, qal li dan huwa eżempju ħaj tat-trasformazzjoni li qed issir fil-lokalità kollha.
Josef Azzopardi nnota wkoll it-tibdil fil-mentalità wara li, f’dan il-ġnien, sar investiment kapitali ta’ aktar minn nofs miljun ewro għar-restawr tiegħu.
Is-sindku qal, “Dal-ġnien, fejn qabel lanqas kont tersaq fih, illum in-nies qed jinżlu fih. Għandna l-iScouts, li jkunu kuljum fih jagħmlu l-attivitajiet tagħhom. Ġieli anki wkoll nies mill-Marsa li qed jinżlu jagħmlu attivitajiet fiżiċi hawnhekk. Bil-mod il-mod, l-idea u l-perspettiva qed tinbidel ġo dan il-ġnien.”
Żewġ residenti u attivisti fil-lokalità esprimew il-gratitudni tagħhom li issa, flimkien ma’ residenti oħra, jistgħu jgawdu aħjar dan il-post.
“L-iScouts qed nibbenefikaw immens minnu wkoll. Jiġifieri hanwnekk sar post li tista’ tiġi hawn, tirrilassa mingħajr l-ebda problemi ta’ xejn.”
“Issa jagħtik il-lok li anki nistgħu nagħmlu xi attività hekk kif ġej is-sajf, ikun aħjar, hux.”