F’jum iddominat minn maltemp kbir, it-telefowns fil-Kamra tal-Kontroll tal-Protezzjoni Ċivili, ma waqfux idoqqu; b’talbiet għall-għajnuna minħabba raġunijiet differenti.
ONE News żar il-Kamra tal-Kontroll f’Ta’ Kandja, fejn iċ-Chief Assistant and Rescue Officer, Joseph Calleja spjega l-ħidma tal-uffiċjali li jwieġbu t-telefonati f’ġurnata bħal-lum.
“F’ġurnata tipika bħal-lum, tkun mimlija b’ħafna telefonati. Ikollna telefonati bħal meta jaqgħu l-ħitan, wajers jaqbdu, nies li forsi jinqabdu ġo xi widien, u anki nies li forsi jidħlilhom l-ilma ġod-djar li għalihom tkun emerġenza.”
L-uffiċjal spjega kif taħdem is-sistema meta tidħol telefonata li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Protezzjoni Ċivili.
“Għandna sistema fejn it-telefonata meta jċemplu 112, tidħol għandna u għand il-Pulizija, imma jekk tappartjeni lilna, nitfgħuha fuq sistema oħra fejn aħna lill-pubbliku, nitolbuh u nistaqsuh ħafna mistoqsijiet biex nakkwistaw iktar informazzjoni.”
Fil-fatt, fil-Kamra tal-Kontroll, hemm mappa virtwali ta’ Malta li turi r-reġjuni u lokalitajiet differenti fil-pajjiż, u taħt liema stazzjon tal-Protezzjoni Ċivili jaqgħu, f’każ ta’ emerġenza.
Imbagħad, kull uffiċjal ikollu l-aċċess, li, meta jdaħħal l-informazzjoni fil-kompjuter skont dak li tgħidlu l-persuna fuq it-telefonata, tasal dirett fuq tablet li għandha kull vettura li toħroġ fuq inċident.
“F’ġurnata bħal-lum aħna nappellaw biex kemm jista’ jkun, insuqu b’kawtela, nevitaw postijiet fejn jaqbel il-maltemp, u forsi dak li jkun, jista’ jevita ċertu qadi li mhux ta’ emerġenza biex innaqqsu iktar it-traffiku barra fit-toroq.”