Bħalissa mal-14-il tfajla tqila, li għandhom anqas minn 20 sena, qegħdin jingħataw għajnuna mis-servizz Għożża. Fergħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li tagħti kull għajnuna li tfajliet taħt l-età li jkunu nqabdu tqal.
Melanie Bonavia, l-uffiċjal inkarigata mis-servizz qalet li minbarra li jagħtu għajnuna lil tfajliet li joħorġu tqal u jibqgħu jgħinuhom wara l-ħlas, joffru programm ta’ prevenzjoni li jagħmlu mal-istudenti fi skejjel differenti. Hija stqarret: “Is-suċċess tal-programm ikun ukoll għax hemm input ta’ ħafna nies differenti. Naħdmu ma’ Mater Dei u Parent Craft u jkollna midwife li tagħmel sezzjonijiet mat-tfajliet u anke servizz mediku.”
L-Għożża tgħin lit-tfajliet, li ħafna minnhom ikunu għadhom fuq il-bankijiet tal-sikola biex ikomplu jistudjaw.
“Parti miż-żjarat ikunu wkoll li nduru child care centres biex naraw kif jaħdmu. Biex huma jgħidu ‘isma, jien il-ġenituri tiegħi jaħdmu u m’għandix appoġġ, jew m’għandix appoġġ mill-ġenituri għal raġunijiet differenti, x’nista’ nagħmel? Nista’ nistudja?’ Aħna dawn il-mistoqsijiet inwieġbuhom b’mod prattiku”, sostniet Bonavia.
Fuq kollox l-Għożża tħeġġeġ lit-tfajliet jibqgħu jattendu l-iskola, anke jekk ikun hemm bżonn tibdil fil-ħin tal-lezzjonijiet: “Is-sena li għaddiet kellna tfajliet li xorta għamlu l-O Levels u baqgħu jattendu l-programm u l-iskola. Wieħed irid jarahom anke wara ftit xhur jew snin biex wieħed jara l-effett tagħhom. Żgur hemm il-bżonn li ma nieqfux mat-tqala imma nkomplu ngħinu lit-tfajla toħlom wara kollox.”
Bonavia ċaħdet li bis-sistema co-ed żdied ir-riskju ta’ tqala fost l-istudenti.
“Fil-verità, huma telgħu f’sistema ta’ co-ed u għalihom baqgħu tilgħin b’mod naturali. Waqt it-taħriġ, il-fatt li jkollna taħlita, se joħorġu l-isfidi tagħhom it-tnejn u nistgħu naħdmu magħhom bħala edukaturi u counsellors. Nistgħu naħdmu ma’ dak li nsibu”, temmet tgħid Bonavia.