Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius ilbieraħ taw spjegazzjoni aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni ta’ Artiklu 25 fir-rigward tar-Riforma tas-Settur tal-Bini u tal-Kostruzzjoni.
Il-Ministru qal li sa mill-bidu nett din il-liġi ħasbet għal dawk il-każijiet li waslu fi stadju ta’ kostruzzjoni u li ċ-ċirkustanzi tagħhom jippermettu li x-xogħol ikompli għaddej bħal qabel u qal li Artiklu 25 huwa fost dawk ir-regolamenti li jaħsbu speċifikament għal dan.
Huwa żied jgħid li issa l-Awtorità tal-Ippjanar ħejjiet formularji biex ikunu ta’ gwida għall-periti li jkunu jixtiequ japplikaw taħt dan l-artiklu, liema formularji ġew maqsuma fi tliet kategoriji. L-ewwel fost dawn tagħti lok li wieħed japplika għal eżenzjoni mis-sottomissjoni ta’ method statement ġdid u/jew condition reports ġodda u/jew polza tal-assigurazzjoni ġdida u garanzija bankarja ġdida.
It-tieni fost dawn tagħti lok li wieħed japplika biex jeżenta ruħu milli jaħtar site technical officer. Dawn l-ewwel tnejn japplikaw biss f’każ ta’ kostruzzjoni u mhux f’każijiet ta’ demolizzjoni jew ta’ skavar. It-tielet kategorija hija relatata ma’ xogħlijiet li jeħtieġ li jsiru b’urġenza.
Sa mill-bieraħ stess, dawn il-formularji jinsabu disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar u fuq l-eApps mil-lum.
Il-Ministru Borg spjega li huwa ferm importanti li meta nitkellmu dwar il-liġi l-ġdida ma ninsewx li l-liġijiet l-oħrajn relatati mas-settur għadhom japplikaw. Fost dawn semma l-Kodiċi Ċivili u l-Att tal-OHSA li xorta waħda għadu jorbot lill-kuntratturi u lill-bennejja mil-lat ta’ sigurtà fuq is-sit filwaqt li l-periti żammew ukoll ir-responsabilitajiet li kellhom qabel.
Is-Segretarju Parlamentari Agius tkellem dwar l-importanza li wieħed jifhem ir-responsabilitajiet differenti u saħaq dwar l-importanza li l-liġi tinqara u tinftiehem sew. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-Awtorità tal-ħidma tagħhom fuq dawn il-formularji.