Is-sena l-ġdida ġabet magħha naqra temp mhux tas-soltu għall-gżejjer Maltin hekk kif għadha kif seħħet l-ewwel ħalba xita bis-silġ.
Kienu bosta dawk li dalgħodu ħadu ritratti tas-silġ u tefgħuhom fuq il-midja soċjali. Ferħa bla temma għal dawk li jħobbu s-silġ hekk kif dan inħall biss wara ftit minuti.
Skont it-tbassir maħruġ mill-uffiċju Meteoroloġiku fl-Ajruport internazzjonali ta’ Malta, illum il-gżejjer Maltin għandhom jintlaqtu b’riħ forza ħamsa-sitta u ħalbiet tax-xita iżolati. It-temperatura mistennija titla għal għaxar gradi u tinżel sa erba’ gradi, filwaqt li matul il-ġurnata t-temperatura għandha tinħass madwar seba’ gradi.
Minkejja dan l-uffiċju Meteoroloġiku żgur ma bassarx silġ!