Il-Ħadd għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu, l-ewwel persuna f’Malta ħadet it-tilqima kontra l-Coronavirus.
Fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, l-infermiera Rachel Grech ta’ 28 sena, tlaqqmet kontra l-COVID-19.
L-infermiera ilha taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei għal dawn l-aħħar sitt snin.
Matul il-jum tal-Ħadd, tlaqqmu wkoll erbgħa u ħamsin persuna oħra li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, u skattat kampanja ta’ tilqim għall-poplu Malti u Għawdxi.
Dik tal-Ħadd hija l-ewwel tilqima, hekk kif dan il-vaċċin jingħata f’żewġ dożi.
L-ewwel doża hija effettiva 52% kontra l-virus u t-tieni doża li hija booster, hija 95% effettiva.
Dan it-tilqim beda jingħata wara li l-vaċċin tal-BioNTech u Pfizer ġie rrakkomandat mill-professjonisti tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini t-Tnejn li għadda, u ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea biex jitqassmu fil-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Dan wassal biex is-Sibt filgħodu, fil-mitjar Malti waslu l-ewwel għaxart elef doża ta’ dan il-vaċċin.
Nhar it-Tnejn u kull nhar ta’ Tnejn, f’pajjiżna se jaslu aktar dożi ta’ tilqim tal-BioNTech u Pfizer, u pajjiżna se jirċievi sitt mitt elf doża minn din il-kumpanija.
Fost il-ħaddiema li se jitlaqqmu fil-jiem li ġejjin hemm dawk li jaħdmu fil-kura primarja u fiċ-ċentri ta’ ttestjar, il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, dawk li jaħdmu fi sptarijiet oħra f’pajjiżna u l-ħaddiema fir-Residenza San Vinċenz De Paul, flimkien mal-anzjani.
Imbagħad, fil-bidu ta’ Jannar se jintbagħtu l-ewwel ittri lill-pazjenti anzjani li għandhom iżjed minn 85 sena.