“Nittama li tinsabu tajbin kif ninsab jien. Grazzi ħafna tal-qawsalli li bgħattuli l-bieraħ. Mijiet irċivejt imma kollha rajthom u kollha sbieħ. Kieku qegħdin l-iskola llum għandna l-pjyama day.”
Dan hu l-messaġġ li kellu l-Kap tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex Lelio Spiteri, wieħed minn mijiet ta’ edukaturi li fl-aħħar jiem irrikorrew għat-teknoloġija biex iżommu kuntatt mal-istudenti tagħhom.
Dan fid-dawl li l-iskejjel jinsabu magħluqa bħala prekawzjoni minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Lelio Spiteri, magħruf aħjar bħala s-Surmast tal-happy school kompla janima lit-tfal bl-aħjar mod biex dawn jibqgħu għaddejin b’ħajjithom u l-mixja edukattiva tagħhom.
Intant dipartiment importanti sabiex l-edukaturi jżommu kuntatt mal-istudenti tagħhom huwa d-direttorat għal-litteriżmu diġitali.
Id-Direttur Grazio Grixti spjega li qed tingħata għajnuna lill-edukaturi li bi ħġarhom qed jużaw it-teknoloġija fit-tagħlim tagħhom.
Is-Sur Grixti spjega: “Qegħdin jibgħatu x-xogħol permezz tal-internet u min-naħa tagħna tad-Direttorat Litteriżmu diġitali u ħiliet transversali qegħdin nissapportjaw u ngħinu lill-għalliema jużaw għdod diġitali għat-tagħlim.”
Is-Sur Grixti qal li sa mill-ewwel jum tal-iskejjel magħluqa l-Ġimgħa, il-pjattaformi online kienu popolari ferm mal-edukaturi.
Huwa sostna: :Mill-ġimgħa filgħodu konna impressjonati bl-ammont ta’ riżorsi u ħeġġa li kien hemm qalb l-għalliema minħabba s-social media kulħadd jixxerja riżorsi li għandu jew riżorsi li jsib u ovvjament min-naħa tagħna bħala għalliema nissaportjaw f’kull ma jkun hemm bżonn.”
Tenna li ma hemm l-ebda restrizzjoni dwar x’tip ta’ għajnuna l-edukaturi jistgħu joffru lill-istudenti tagħhom.