L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi sħab ma’ Merlin Library, organizzat taħriġ prattiku ta’ kitba u żewġ żjarat fi skejjel mal-awtur Rob Lloyd Jones fit-3 u l-4 ta’ Mejju 2018. Rob Lloyd Jones huwa awtur ta’ għadd ta’ kotba tat-tfal fosthom Wild Boy u Jake Atlas.
Il-Ħamis, 3 ta’ Mejju 2018, numru ta’ Brillantini tal-Qari pparteċipaw f’workshop tal-kitba mal-awtur. Waqt din l-attività, Rob Lloyd Jones iddiskuta l-elementi essenzjali li jagħmlu storja tajba, filwaqt li tahom għajnuniet prattiċi fuq il-proċess tal-kitba.
Il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2018, Rob Lloyd Jones żar l-iskejjel primarji ta’ Ħal-Lija fil-kulleġġ ta’ Santa Tereża u ta’ Ħaż-Żabbar B fil-kulleġġ ta’ Santa Margerita. Waqt dawn iż-żjarat, l-awtur qasam l-esperjenza personali tiegħu fuq kif sar kittieb, u ħeġġeġ lit-tfal preżenti, speċjalment dawk li ma tantx iħobbu jaqraw, biex jagħmlu sforz isibu u jaqraw kotba li jispirawhom. Wara din il-preżentazzjoni, l-istudenti kellhom l-opportunità jistaqsuh xi mistoqsijiet fuq il-kotba li kiteb, kif ukoll fuq il-ħajja tiegħu bħala awtur.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tixtieq tirringrazzja lil Merlin Library talli organizzat iż-żjara li Rob Lloyd Jones għamel f’ Malta.