Kompliet tinstema l-kawża kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia b’rabta mal-inkjesta EGRANT fejn xehed l-Avukat Ġenerali Peter Grech.
Fuq il-pedana tax-xhieda, Dr Grech sostna li ma ħassx li kien ġust li tiġi ppubblikata l-inkjesta minkejja li kien konxju li l-Prim Ministru Joseph Muscat ried li l-inkjesta tiġi ppubblikata kollha.
Mistoqsi għaliex għadda koppja tal-inkjesta lill-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali qal li Dr Muscat għandu l-ogħla kariga eżekuttiva fil-pajjiż u l-inkjesta kienet tikkonċerna lilu. Saħaq li din it-talba kienet waħda validissima għall-kuntlarju tat-talba li saret mill-oppożizzjoni li kellha biss interess politiku.
Dr Grech żied jgħid li kopja tal-inkjesta ntbagħtet ukoll lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li kien qed jassisti lill-Prim Ministru fl-analiżi tal-inkjesta.
Tul is-seduta, l-Avukat Ġenerali qal li minkejja li irċieva diversi talbiet kif ukoll kien hemm diversi stqarrijiet fejn appellaw għall-pubblikazzjoni tal-inkjesta, huwa ħass li din m’għandhiex tiġi ppubblikata kollha kemm hi għall-fatt li kieku għamel hekk ma kienx ikun qed jaqdi dmiru sew fl-irwol tiegħu.
Żied jgħid li għall-kuntrarju ta’ inkjesti oħra li ġew ippubblikati, fil-każ tal-Egrant, hemm sezzjonijiet li jeħtieġ jiġu investigati f’aktar dettall u f’każ li jiġu ppubblikati, jkunu qed ixekklu investigazzjonjiet li għad jistgħu jsiru.
Il-każ ser ikompli fid-9 ta’ Ottubru.