Il-Belt Valletta libset il-libsa tal-Milied permezz ta’ projezzjonijiet, kif ukoll ix-xena tan-Nattività fi Pjazza San Ġorġ, flimkien ma’ avvenimenti mużikali fi Pjazza l-Assedju l-Kbir wiri ta’ films, prestazzjonijiet bil-pupazzi fis-Suq tal-Belt u Pjazza Ħelsien u attrazzjonijiet oħra fit-toroq prinċipali tal-Belt.
Il-Programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Christmas in the City, qed jittella’ bejn it-8 u l-24 ta’ Diċembru. Ix-show għall-mezzi tax-xandir huwa ppjanat li jsir lejliet l-Ewwel tas-Sena.
Minkejja l-Pandemija Covid-19 bidlet il-mod kif l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta torganizza l-attivitajiet tagħha, dan ma tellef xejn mill-atmosfera festiva u l-intimità ta’ attivitajiet fuq skala żgħira li qed jittellgħu kull filgħaxija.
Fost il-prestazzjonijiet ewlenin ta’ din il-ġimgħa rajna Opera in the City – prestazzjoni mit-tenur internazzjonali Malti Nico Darmanin flimkien mas-sopran Nadia Vella, akkumpanjati mill-pjanista Sofia Narmania.
Is-Sibt 12 u l-Ħadd 13 ta’ Diċembru se jsir wiri tal-films popolari tal-Milied Joyeux Noël u Polar Express, fis-Suq tal-Belt (it-Tieni Sular). Prestazzjonijiet bil-pupazzi se jittellgħu t-Tlieta 15 u l-Erbgħa 23 ta’ Diċembru. Gruppi mużikali varji jistgħu jitgawdew minn min ikun qed jixtri, familji u individwi fil-ġranet l-oħra kollha.
Sadanittant, Ittanta Ktieb tibqa’ attrazzjoni favorita mat-tfal u l-kbar hekk kif jieħdu ktieb imkebbeb bħala rigal mill-kabini tat-telefonija.
Dawn il-projezzjonijiet, flimkien mat-tiżjin tal-Milied fil-Belt Kapitali jistgħu jitgawdew sal-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.
Minħabba l-miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ kontra l-Covid-19, il-postijiet għandhom jiġu riservati b’email fuq info@vca.gov.mt. Il-bilijetti huma bla ħlas.
Għal aktar informazzjoni inkluż l-programm sħiħ, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta https://www.facebook.com/vallettaculturalagency u s-sit elettroniku vca.gov.mt.